Internazzjonali

Renju Unit: Battibekk dwar l-istatus diplomatiku tal-UE

Ir-Renju Unit, bħalissa, għaddejja b’aktar diżgwid mal-Unjoni Ewropea – din id-darba dwar l-istatus tal-Ambaxxatur tal-istess Unjoni għal Londra.

Il-Gvern Britanniku, f’din is-sitwazzjoni, qed jirrifjuta li Joao Vale de Almeida jingħata status diplomatiku sħiħ fuq l-istess livell ta’ ambaxxaturi oħrajn.

Dan għaliex il-Foreign Office f’Londra insista li Joao Vale de Almeida u l-uffiċjali tiegħu mgħandhomx ikollhom il-privileġġi u drittijiet għall-immunità li jgawdu d-diplomati taħt il-kriterji tal-Konvenzjoni ta’ Vienna.

Għaldaqstant, l-indikazzjonijiet huma li r-Renju Unit ma jridx iwaqqaf preċedent b’li jitratta entità jew grupp (ta’ pajjiżi) internazzjonali daqslikieku pajjiż jew Stat speċifiku.

Skont l-aħħar żviluppi, l-ambaxxatur tal-UE għal Londra mhux se jkollu l-opportunità biex jippreżenta l-kredenzjali tiegħu lir-Reġina Eliżabetta, l-istess bħall-kapijiet tal-missjonijiet diplomatiċi oħrajn.

Id-deċiżjoni tal-Britanniċi hi kuntrast assolut għall-142 pajjiż madwar id-dinja fejn l-UE għandha d-delegazzjonijiet u fejn l-ambaxxaturi tagħha kollha qed jingħataw l-istess status daqs diplomatiċi li jirrappreżentaw lill-Istati sovrani.