Internazzjonali

Stati Uniti: Joe Biden jimpenja ruħu mal-ewwel għall-isfidi tal-futur — fost il-bidliet għall-politika ta’ Trump

Il-President ġdid tal-Istati Uniti, Joe Biden, ma tilifx iż-żmien biex, fl-ewwel jum tiegħu fit-tmexxija, jibdel drastikament uħud mill-aktar policies kontroversjali u diskutibbli li kienu implimentati mill-President Repubblikan ta’ qablu, Donald Trump.

Wara snin ta’ kriżi u kontroversji, karatterizzati mid-diżgwid profond bejn setturi ‘opposti’ fis-soċjetà Amerikana, ir-riħ ta’ bidla qed jinħass diġà fil-pajjiż. Dan meta Joe Biden iffirma 15-il direttiva eżekuttiva (executive orders) – bl-ewwel waħda ‘urġenti’ tesiġi ‘stimolu’ għall-ħidma u l-istrateġiji kontra l-Covid-19 fuq bażi federali.

Intant, l-aktar executive orders sinifikanti jesiġu bidla fil-politika implimentata mill-Gvern ta’ Trump fir-rigward tal-klima u l-immigrazzjoni.

L-osservaturi fl-aħħar sigħat irrimarkaw kif Joe Biden minnufih xammar il-kmiem għax-xogħol —  sigħat biss wara li hu kien ħa l-ġurament tal-Presidenza fil-Capitol ta’ Washington.

L-inawgurazzjoni tiegħu kienet differenti ħafna minn taċ-ċerimonji (simili) preċedenti minħabba r-restrizzjonijiet dovuti għall-Covid-19 u meta – minbarra l-eks Presidenti Amerikani u n-nisa tagħhom – kien hemm biss folla żgħira ta’ nies li assistiet għat-teħid tal-ġurament u avvenimenti oħra fil-programm.

Donald Trump – filwaqt li sar l-ewwel President Amerikan li, għal aktar minn seklu,  ma attendiex għall-inawgurazzjoni tas-suċċessur tiegħu – baqa’ sal-aħħar ma jirrikonoxxix it-telfa tiegħu fl-elezzjoni presidenzjali tat-3 ta’ Novembru…..Telfa li kienet biss il-bidu ta’ ġimgħat sħaħ ta’ taqlib, tensjoni u inċertezza fl-Istati Uniti.

Madankollu Joe Biden mhux qed jidher affettwat mill-atteġġjament ta’ Trump u f’wieħed mill-ewwel tweets tiegħu bħala President, hu għamilha ċara li ‘l-Amerikani ma għandhomx żmien x’jitilfu fl-impenn preżenti biex jikkonfrontaw il-kriżi ta’ quddiemhom’.

Stqarrija mill-White House li dettaljat l-executive orders spjegat li ‘il-President Biden se jieħu azzjoni f’waqtha biex mhux biss jirranġa l-ħsarat kbar lill-pajjiż li saru mill-amministrazzjoni ta’ Truimp iżda anki jmexxi lill-Istati Uniti ‘il quddiem’.

Filwaqt li l-Istati Uniti qed issaħħaħ ir-reazzjoni kontra l-coronavirus wara l-politika dubjuża u ineffettiva ta’ Trump, sar magħruf, issa, li l-awtoritajiet relevanti se jkunu qed jimplimentaw sensiela ta’ miżuri fil-konfront tal-pandemija li swiet il-ħajja ta’ aktar minn 400,000 fl-Istati Uniti.

Fost il-miżuri hemm mandat biex in-nies jilbsu l-maskri tal-wiċċ u jipprattikkaw id-distanza soċjali f’kull bini tal-Gvern federali. Intant, se jkun hemm uffiċċju ġdid li jikkoordina r-reazzjoni għall-pandemija – waqt li l-Istati Uniti se twaqqaf il-proċess tal-ħruġ mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u li kien mibdi mill-Gvern ta’ Trump.

Il-bidla fil-politika fir-rigward tal-WHO intlaqgħet tajjeb mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, li qal li hi ‘assolutament kruċjali’ li d-dinja, bis-sehem tal-Istati Uniti, tidħol għal kampanja jerġa’ aktar koordinata kontra l-Covid-19, fuq livell globali.

Fl-istess ħin, Joe Biden impenja ruħu biex il-Gvern immexxi minnu jagħti priorità lill-ġlieda kontra l-bidliet fil-klima. Hu, fl-aħħar sigħat, iffirma direttiva eżekuttiva għall-bidu tal-proċess biex l-Istati Uniti tissieħeb mill-ġdid fil-Ftehim ta’ Pariġi storiku (dwar il-Klima) tal-2015 u li Donald Trump, għan-nom tal-Istati Uniti, kien ħareġ minnu formalment, is-sena l-oħra.

L-eks-Segretarju tal-Istat Amerikan, John Kerry – bħala r-Rappreżentant ta’ Joe Biden dwar il-politika li titratta bidliet fil-klima – impenja ruħu bis-sħiħ biex l-Istati Uniti tkun fost il-protagonisti fil-ħarsien tal-klima. Kerry, fl-istess ħin, ħeġġeġ għal kooperazzjoni internazzjonali qabel il-UN Climate Change Conference (Cop26) li se ssir fi Glasgow (fl-Iskozja) f’Novembru li ġej.

Aspett ieħor importanti – u li għandu jikkaratterizza l-ewwel jiem tal-Presidenza ta’ Biden – jinvolvi l-immigrazzjoni.

U l-ewwel sinjali qed jidhru ‘inkoraġġanti’, wara li Biden dawwar lura d-dikjarazzjoni ta’ emerġenza mill-amministrazzjoni ta’ Trump li kienet għenet għall-bini tal-famuż ‘ħajt’ mal-fruntiera tal-pajjiż mal-Messiku.

Id-direttiva ta’ Joe Biden, fl-istess ħin, ‘annullat’ il-projbizzjoni għall-ivvjaġġar (travel ban) fir-rigward ta’ ċerti pajjiżi fejn il-maġġoranza tal-poplu huma Musulmani u li wkoll kienet implimentata mill-eks-amministrazzjoni ta’ Donald Trump.