Coronavirus Lokali Saħħa

Vittma oħra tal-Covid-19 – 151 każ ġdid

9 vittmi tal-Covid-19 f’pajjiżna fl-aħħar sitt ijiem

Matul din il-ġimgħa pajjiżna diġà rreġistra 9 fatalitajiet kaġun tal-pandemija, bil-każi ġodda jaqbżu l-elf fl-aħħar sitt ijiem.

Il-Ministru tas-Sahha ikkonferma mewta oħra kaġun tal-Coronavirus hekk kif fl-aħħar sigħat f’pajjiżna il-vittmi telgħu għal 245. Il-vittma hija mara ta’ 82 sena li tilfet ħajjitha fl-isptar Mater Dei.

Fl-aħħar 24 siegħa nstabu 151 każ ġdid tal-Coronavirus. Din iċ-ċifra ttella’ għal 16,280 in-numru totali ta’ persuni li ħadu l-virus f’Malta sa mill-bidu tal-pandemija bil-Prim Ministru, quddiem din is-sitwazzjoni, jibqa’ jitkellem dwar ‘business as usual’ meta fil-verita’ qed tikber il-pressjoni fuq it-tobba u l-infermieri fl-isptarijiet.

Il-każijiet attivi fil-komunità bħalissa huma 2,801 filwaqt li  fl-aħħar sigħat fiequ 180 persuna mill-imxija biex il-każijiet ta’ persuni li fiequ telgħu għal 13,234.

Mill-187 każ imħabbra tul il-jum tal-Erbgħa, bħall-jiem preċedenti, ma ngħataw ebda dettallji minn fejn jew mingħand min dawn il-persuni ttestjaw pożittiv u wisq inqas kemm minnhom kienu sporadiċi.

Il-Ministeru tas-Saħħa ħabbar wkoll id-dettalji b’rabta mat-tilqim għal kontra l-virus, fejn b’kollox s’issa ngħataw 15,316 doża. Bħala medja, kuljum, qed jingħataw bejn wieħed u ieħor elf doża – maqsumin bejn iż-żewġ vaċċini.

It-tilqim li qed jingħata bħalissa hu tal-vaċċin Moderna u dak tal-Pfizer-BioNtech.