Internazzjonali

Covid-19: Tħassib dwar il-movimenti tan-nies fl-Ewropa fost l-evalwazzjoni tal-varjanti tal-virus

Il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea huma mħassbin sew dwar il-movimenti ta’ persuni minn pajjiż ghall-ieħor f’mument sensittiv ħafna għall-Ewropa u d-dinja u meta l-pandemija tal-Covid-19 tinsab fl-eqqel tagħha.

Il-potenzjal tal-varjanti ġodda li qed ifeġġu minn dan il-virus huma  wkoll ‘fuq moħħ il-mexxejja’ li esprimew l-inkwiet tagħhom waqt video-conference  — jew summit – li dam għaddej diversi sigħat u fejn kull pajjiż iddettalja l-pożizzjoni tiegħu fil-ġlieda kollettiva kontra l-virus qattiel.

Il-mexxejja tal-UE qablu li għandhom jiddaħħlu aktar restrizzjonijiet jekk in-numri ta’ infettati jibqgħu jiżdiedu fil-jiem li gejjin. Dan filwaqt li huma, għalissa, qed jissuġġerixxu li ma jkunx hemm il-vjaġġi ghal raġunijiet li mhumiex marbuta ma’ xogħol jew saħħa.

Dan it-ton ta’ urġenza inhass sew anki waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha tkellmu l-President tal-Kummissjoni Ewropew Ursula von der Leyen u l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel.

Sadanittant, irrankat it-talba ġenerali biex in-nies tal-Ewropa jibqgħu lura minn hekk-imsejjaħ “non-essential travel” . Dan waqt li s-27 Mexxejja tal-Unjoni mistennija jerġgħu jiltaqgħu fil-jiem li ġejjin biex janalizzaw mill-gdid is-sitwazzjoni.

Fl-Istati Uniti, il-President Amerikan ġdid, Joe Biden, iffirma diversi direttivi eżekuttivi bil-għan prinċipali li l-pajjiż jirreżisti l-effetti tal-Covid-19 b’mod aktar effettiv. L-Istati Uniti hi l-agħar pajjiż tad-dinja f’termini ta’ imwiet u meta hu konfermat li ‘il fuq minn 406,000 tilfu ħajjithom mill-effetti tal-virus.

Issa, permezz tad-direttivi, għandhom jiżdiedu sew il-programmi tat-testijiet u t-tilqim fl-Istati Uniti u meta għandha tintuża leġislazzjoni ta’ emerġenza biex tirranka l-produzzjoni ta’affarijiet essenzjali bħall-maskri tal-wiċċ.

Filwaqt li ħabbar il-miżuri, Joe Biden qal li l-pajjiż irid jistenna x-xhur sakemm ikun jista’ jgħid li għeleb il-pandemija. Intant, hu wiegħed li l-Istati Uniti  għandha taqleb għall-aħjar f’każ li n-nies juru solidarjetà ma’ xulxin u jirrispettaw ir-regoli.

Il-programmi  l-ġodda kontra l-Covid-19 huma kuntrast assolut għall-politika implimentata mill-eks-President Amerikan Donald Trump. Fil-fatt, il-politika ta’ Biden tensfasizza ‘strateġija nazzjonali’ aktar milli sitwazzjoni fejn kull Stat Amerikan ‘jiddeċiedi xi jkun l-aħjar fiċ-ċirkustanzi’. Il-Gvern ta’ Trump kemm-il darba kien akkużat li tilef kull kontroll tas-sitwazzjoni waqt il-pandemija.

Sadanittant, il-Brażil qed jiffaċċja kriżi kbira fost il-pandemija u fejn ix-xjenzati qed jippruvaw isiru jafu aktar dwar il-varjant ferm perikoluż tal-Covid-19 li nstab fiz-zona tal-Amazon. Intant, it-tobba fil-belt ta’ Manaus qed jippruvaw irażżnu n-numri allarmanti tal-imwiet meta l-pajjiż għaddej minn tieni mewġa tal-coronavirus.

Għalkemm l-awtoritajiet fil-Brażil bdew ilaqqmu lin-nies kontra l-Covid-19 għadhom ‘il bogħod sew milli jaraw ‘xaqq ta’ dawl’, bir-raġuni, f’parti, tinsab fil-kroll tas-sistema tas-saħħa fir-reġjun tal-Amazon.