Internazzjonali Kurżitajiet

Il-film ta’ 007 No Time To Die pospost għat-tielet darba

It-tnedija tal-film ta’ James Bond, No Time To Die, ġie pospost għat-tielet darba minħabba l-Covid-19.

Il-film diġà kien immexxi ‘l quddiem darbtejn fejn l-aħħar data biex jintwera fis-swali taċ-ċinema globali kellha tkun matul ix-xahar ta’ April – madanakollu issa ġie mħabbar li dan ser ikun qed isir fit-8 ta’ Ottubru, 2021.

Il-film huwa l-25 wieħed tas-saga tal-ispija Brittanika, u huwa l-aħħar film fejn fih l-karattru ta’ James Bond ser ikun qiegħed jiġi interpretat mill-attur Ingliż, Daniel Craig.

Dan kollu wara li l-industrija tal-ispettaklu u ċ-ċinema ħadet daqqa ta’ ħarta kawża ta’ din il-pandemija b’uħud madwar id-dinja ġew sfurzati jagħlqu l-bibien tagħhom għal xhur sħaħ. Dan filwaqt li diversi atturi u diretturi ta’ fama kbira fosthom Danny Boyle u Sir Steve McQueen appellaw lill-Gvern Brittaniku sabiex jgħin lil din l-industrija li fi kliemhom “tinsab f’xifer l-abbiss”.

Intant b’dawn il-posponimenti kollha, qed tikber l-ispekluazzjoni li diversi kumapniji ċinematografiċi jagħżlu li jmexxu l-films tagħhom fuq servizz ta’ streaming bħal ma seħħ fil-każ tal-film Mulan li kien imniedi fuq Disney+ u Wonder Woman 1984 li apparti fis-swali taċ-ċinema, kien mniedi wkoll fuq HBO Max.

Fost il-films l-oħra li kellhom id-data tat-tnedija fis-swali taċ-ċinema posposta insibu; Ghostbusters: Afterlife, Cindirella, u Uncharted.