Għal darb’oħra ninsabu ddiżappuntati, il-ftehim li ntlaħaq fit-8 ta’ Jannar ma kien xejn ħlief qbil ieħor mingħajr ebda fatti formalizzati.
Hekk saħqet l-UPE Voice of the Workers, fejn ġie spjegat li wara li għamlu talba wara l-oħra sabiex dan il-ftehim li ntlaħaq bejn il-Gvern Laburista u l-MUT, is-Segretarju Permanenti mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, Frank Fabri ikkuppjahom permezz ta’ e-mail bl-istqarrija maħruġa mill-Gvern fil-jum tal-ftehim – mingħajr ma ġie indikat ebda pjan strateġiku.
L-Unjin insistiet li minkejja li f’din l-istqarrija hemm indikat l-intenzjoni li jiġu msaħħa l-protokolli u l-proċeduri ta’ contact tracing fl-iskejjel, ġimgħatejn wara, “ma hemm ebda evidenza li sar xi xogħol sabiex dan jitjieb.
L-UPE saħqet li minflok, id-dewmien fil-contact tracing qed ikompli jippersisti u insistiet li waqt pandemija wieħed m’għandux jistenna li jkun hawn dan id-dewmien speċjalment wara li l-maġġoranza tal-edukaturi madwar il-pajjiż kienu beżgħana bit-tixrid tal-virus wara l-festi.
Għaldaqstant l-UPE qed tipproponi sezzjoni ta’ contact tracing għall-iskejjel biss, b’mod speċjali meta wieħed jikkunsidra t-theddida tal-varjant u d-dewmien fil-contact tracing. Insistiet li l-wegħda li l-iskejjel jiġu aġġornati b’mod regolari dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 fi ħdanhom s’issa għadha ma tat l-ebda frott.
L-Unjin qalet li kieku ma kienx għaliha li nfurmat lill-pubbliku bil-każi, kulħadd kien jaħseb li l-iskejjel huma ħielsa mill-virus, ladarba il-Gvern baqa’ qatt ma ħareġ l-ebda stqarrija f’dan is-sens. Mhux talli hekk, talli l-UPE spiċċat fil-mira ta’ attakki talli ppruvat toħloq kuxjenza.
//= $special ?>