Lokali

Il-MAM issejjaħ għal ‘curfew’ u iktar infurzar fi tmiem il-ġimgħa

B’medja ta’ iktar minn 150 każ ġdid kuljum, is-swali mediċi u tal-kura intensiva fl-Isptar Mater Dei dalwaqt jilħqu l-punt fejn ma jkunux jistgħu ilaħħqu mal-pazjenti kollha.

Sostniet dan l-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM fi stqarrija fejn sejħet għal ‘curfew’ fi tmiem il-ġimgħa mid-9p.m. għall-ġimgħatejn li ġejjin kif ukoll fil-jumejn wara l-weekend tal-Karnival.

Il-MAM qalet dan hu meħtieġ minħabba minoranza ta’ persuni qed jibqgħu jieħdu riskji, jispiċċaw jieħdu l-virus waqt attivitajiet soċjali fil-weekend u jxerrduha lil qraba u kollegi fuq il-post tax-xogħol.

Barraminhekk, kompliet l-assoċjazzjoni tat-tobba, il-contact tracing waqa’ lura b’diversi ġranet tant li issa hu prattikament ineffettiv.

In-numri ta’ każi ġodda irid jitniżżel u jinżamm għal inqas minn 100 kuljum tenniet il-MAM. Minbarra l-‘curfew’, l-Assoċjazzjoni qed issejjaħ għal iktar infurzar fuq stabbiliment li mhux qed jobdu l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa, b’mod partikolari Paceville u Bugibba.