Lokali

Il-PN jemmen fl-enerġija taż-żgħażagħ – Bernard Grech

Bħar-riħ fil-qlugħ, irridu naraw li l-enerġija taż-żgħażagħ tmexxi ‘l quddiem fid-direzzjoni t-tajba lid-dgħajsa ta’ pajjiżna. Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt laqgħa ma’ delegazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, immexxija mill-President Chiara Vassallo.

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista mmexxi minnu jrid u qed jiftaħ il-bibien beraħ għaż-żgħażagħ. U għax jemmen fl-enerġija tagħhom, għall-Partit Nazzjonalista ż-żgħażagħ m’humiex biss il-futur, iżda anke l-preżent.

Min-naħa tagħha, Chiara Vassallo faħħret l-impenn tal-Partit Nazzjonalista f’setturi li ż-żgħażagħ iqisu bħala sensittivi. Fost l-oħrajn semmiet il-kwistjoni tal-emerġenza fil-klima, li telgħet ‘il fuq fl-aġenda nazzjonali grazzi għal sehem id-Deputati Nazzjonalisti fil-Parlament.

Dwar l-isfidi preżenti, kawża tal-pandemija, il-President tal-KNŻ qalet li ż-żgħażagħ qed ibatu mill-inċertezza u l-ansjetà li din ġabet magħha. Dan anke meta l-Kunsill jinnota kif ħafna żgħażagħ ma gawdewx mill-għajnuniet li l-Gvern ta fl-aħħar xhur.

Pereżempju semmiet l-għajnuna tal-wage supplement, li qalet li l-maġġoranza taż-żgħażagħ gawdew minnu biss matul il-perjodu tas-Sajf. Umbagħad, min iħaddimhom spiċċa jwaqqfilhom l-impjieg ladarba l-Gvern ma baqax jgħinhom fil-ħlas tal-pagi taż-żgħażagħ impjegati.

Il-KNŻ hu l-akbar organizzazzjoni taż-żgħażagħ fuq livell nazzjonali, tant li jinkludi fih lil madwar 30 għaqda, fosthom anke lill-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista. F’ħidmietu, il-Kunsill jara li l-għaqdiet membri jkolhom ir-riżorsi li jkollhom bżonn fil-ħidma tagħhom u anke fl-amministrazzjoni ta’ kuljum.

Matul il-laqgħa, Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Karl Gouder, kif ukoll mill-Presidenti tal-MŻPN u ta’ TeamStart Joseph Grech u Eve Borg Bonello rispettivament.