Lokali

Infurzar mhux ‘curfews’ – MHRA

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) ħarġet kontra s-sejħa tal-Assoċjazzjoni tat-Tobba li jkun hemm ‘curfew’ fil-weekends.

Fi stqarrija, l-MHRA qalet li curfew jispiċċa joqtol il-kummerċ tar-ristoranti u postijiet oħra li jaħdmu bil-lejl u mhux se jilħaq l-għan li jitrażżnu l-infezzjonijiet bil-Coronavirus.

L-MHRA qalet li curfew iwassal biex attivitajiet irregolari isiru iktar fil-moħbi. Barraminhekk, persuni li bbukkjaw farmhouses u postijiet self-catering ma jkunux affetwati b’curfew u se jkomplu jiksru r-regolamenti ta’ distanza soċjali f’dawn il-postijiet.

L-Assoċjazzjoni qalet li għandu jkun hemm iktar infurzar fuq dawn il-postijiet u l-awtoritajiet jimponu multi ħorox fuq min jikser dawn ir-regolamenti, kemm lil min jikri kif ukoll lill-kerrejja.

Fl-aħħarnett, l-MHRA qalet li qed iżżomm kuntatt kontinwu mal-awtoritajiet tas-saħħa u assigurawha li s-sitwazzjoni fl-isptarijiet qegħda taħt kontroll.