Lokali

“Inħarsu l-valur tal-ħajja” – ftehim bejn ‘Save A Life’ u ‘Life Network’

Ġie ffirmat ftehim bejn żewġ għaqdiet li l-missjoni tagħhom hi li jsalvaw l-ħajjiet – Ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni ‘Save A Life’ u l-‘Life Network Malta’.

Inizjattiva biex tiġi mgħejjuna l-missjoni tal-fondazzjoni; kollaborazzjoni bejn żewġ għaqdiet li l-għan tagħhom huwa l-istess; il-konvergenza fuq il-valur tal-ħajja.

Dan il-ftehim sar bil-għan li jkun hemm aktar  informazzjoni u edukazzjoni dwar is-suġġett u dwar il-ħidma tal-‘Life Network’, biex tissaħħaħ il-preżenza diġitali u biex tingħata għajnuna fiżika.

Tkellimna mad-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Claudio Grech li flimkien mal-mara tiegħu Charmaine, nieda l-Fondazzjoni ‘Save A Life’, li permezz ta’ dan il-fethim, issa se tkun qed tgħin ukoll lil ‘Life Network Malta’. Claudio Grech saħaq li l-iktar ħaġa importanti hi li jintbagħat il-messaġġ li hawn l-għajnuna għal kull min jiġi fi bżonn għaliex hawn ħafna nies li b’enerġija u b’passjoni, jaħdmu favur kawża ġusta bħal din.

Il-Fondazzjoni ‘Save A Life’ ilha madwar 7 snin tippromwovi l-ħajja u tikkumbatti kontra diversi problemi fis-soċjetà fosthom dawk tad-droga. L-għajnuna ta’ ‘Save A Life’ tilħaq aktar minn 1,700 familja, u permezz ta’ dan il-fethim issa se tkompli tikber.

Dan il-ftehim kien iffirmat f’Dar Tgħanniqa Ta’ Omm, dar li toffri appoġġ lil nisa u tfajliet li għal xi raġuni jsibu diffikultà fit-tqala. Dr. Miriam Sciberras, li tmexxi ‘Life Network Malta’ spjegat kemm hu importanti ftehim ta’ dan it-tip filwaqt li appellat biex kull min hu fil-bżonn jersaq ‘il quddiem għaliex żgur se jsib l-għajnuna meħtieġa. Fl-aħħar xhur il-Life Network salvaw 30 tarbija mill-abort u kienu ta’ għajnuna għal aktar minn 70 familja f’pajjiżna.