Lokali Qorti

Ir-raġel li allegatament ħaraq ark storiku fil-Floriana akkużat b’pussess ta’ kokaina

Il-pulizija akkużaw raġel b’pussess aggravat ta’ kokaina, wara li 30 gramma tad-droga nstabu fil-karozza tiegħu waqt li kien qed isuq lejn il-vapur ta’ Għawdex mat-tfajla tiegħu.

Bjorn Grima, residenti tas-Sliema ta’ 35 sena, u li qabel kien joqgħod il-Floriana nqabad waqt li kien sejjer lejn Għawdex nhar l-Erbgħa, fl-20 ta’ Jannar.

It-30 gramma kokaina nstabu fil-karozza ta’ Grima wara li uffiċjali tal-Pulizija waqfuh u għamu tfittxija fil-vettura. Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, Grima ġie mixli b’pussess aggravat ta’ kokaina u bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.

Grima kien diġa ingħata pleġġ wara li kien tressaq il-Qorti fl-2019 u ġie akkużat bil-qerda permezz ta’ ħruq ta’ ark storiku fil-Furjana. L-Ispettur tal-Alfredo Mangion oġġezzjona bil-qawwa kollha għat-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest.

L-avukati difensuri Franco Debono u Amadeus Cachia, madankollu, argumentaw li l-akkużat kien għadu preżunt innoċenti u li l-uniku xhud ċivili kien it-tfajla tiegħu, li kienet diġà qalet lill-Pulizija li ma kinitx taf dwar id-drogi. Il-Qorti laqgħet it-talba ta’ Grima għal libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €5000 u garanzija personali ta’ €5000.