Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li ħa filmati ta’ koppja f’mument intimu

Raġel akkużat li iffilmja tnejn minn sħabu f’residenza f’San Pawl il-Baħar li kienu qed jagħmlu s-sess inżamm taħt arrest. Nico Spalding, 22, minn San Pawl il-Baħar stess tressaq quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, akkużat li żvela filmat privat li juri atti sesswali bejn koppja, bl-intenzjoni li jikkawżalhom ħsara.

Il-koppja, li kienu jgħix mal-l-akkużat, kienu rrappurtaw lil Spalding lill-Pulizija wara li kien qabad u daħal fuqhom waqt mument intimu, u spiċċa jiffilmjahom fuq il-mowbajl tiegħu.

Spalding kien akkużat ukoll li kiser ordni ta’ probation imposta fuqu f’Jannar. Huwa ġie akkużat ukoll b’reċidività. F’Novembru 2018, Spalding, li dak iż-żmien ma kellux saqaf fuq rasu, kien ġie akkużat li seraq ikel u xorb.

L-uffiċjal Prosekutur, l-Ispettur John Spiteri talab lill-Qorti biex toħroġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi. Talba għal libertà proviżorja ġiet miċħuda. L-Avukat Joseph Calleja deher għal Spalding.