Futbol Sport

Jispikka l-konfront bejn Floriana u Hibernians

Fis-sbatax –il ġurnata jispikka il-konfront bejn Floriana u Hibernians fost l-oħrajn Fil-partita l-aktar li tispikka fis-17 –il ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier Floriana jaffrontaw lil Hibernians fl-Istadium Nazzjonali biż-żewġ timijiet jinsabu f’pożizzjonijiet opposti fil-klassifika.

Filwaqt li Floriana għaddejin minn serje ta’ riżultati negattivi li ħallewhom fil-11 –il post tal-klassifika, Hibernians se jkunu qegħdin iħarsu li jitilgħu momentarjament fil-quċċata tal-kampjonat wara ir-rebħa li kellhom kontra Sliema Wanderers. Floriana se jfittxu li jtemmu l-perjodu negattiv wara li ilhom ftit aktar minn xahar mingħajr rebħa fil-Kampjonat.

Il-Ħadd, il-leaders attwali tal-Kamjonat BOV Premier Ħamrun Spartans jaffrontaw lil Santa Lucia fl-Istadium Nazzjonali fejn se jkunu qegħdin iħarsu li jsaħħu posthom fil-quċċata tal-klassifika. Bl-inklużjoni tad-difensur Claude Dielna, Ħamrun se jħarsu li jagħmluwhom ħames rebħiet mill-aħħar ħames logħbiet filwaqt li Santa Lucia se jkunu qegħdin ifittxu li jiksbu tliet punti wara serje ta’ tliet draws konsekuttivi.

Fl-ewwel konfront ta’ llejla, Tarxien jaffrontaw lill-Gżira United fis-Centenary Stadium. Tarxien li għadhom ġejjin minn rebħa ta’ 1-0 kontra Balzan, se jkunu qegħdin ifittxu li jiksbu aktar punti bit-tama li jsalvaw posthom fil-Kampjonat BOV Premier. Min-naħa l-oħra, Gżira jridu jkomplu fuq ir-riżultat pożittiv li kisbu kontra Floriana sabiex iqawwu it-tamiet tagħhom fit-taqtija għar-rebħ tal-kampjonat.

Illejla wkoll fis-Centenary Stadium, Valletta jilgħabu kontra Balzan fejn se jkunu qegħdin jirritornaw għal-logħob wara li kienu fi kwarantina obligatorja. Ghal Balzan din se tkun logħba importanti wara ir-riżultat negattiv li kellhom kontra Tarxien, fejn se jkunu qegħdin ifittxu li jinqalgħu miż-żona relegazzjoni tal-kampjonat.

Fil-Hibernians Stadium, Gudja jilgħabu kontra Lija Athletic b’dawn tal-aħħar jinsabu fiż-żona relegazzjoni b’sitt punti biss. Min-naħa l-oħra Gudja se jkunu qegħdin jirritornaw għal-logħob wara li osservaw il-perjodu ta’ kwarantina obligatorja minħabba l-Coronavirus.

Aktar tard is-Sibt, Sliema Wanderers jaffrontaw lil Sirens fejn iż-żewġ timijiet se jkunu qegħdin ifittxu li jirritornaw għar-rebħ wara ir-riżultati negattivi kontra Hibernians u Ħamrun rispettivament. Għal Sliema din se tkun logħba importanti għaliex b’rebħa jżommu l-pass mat-timijiet fil-quċċata tal-klassifika filwaqt li Sirens se jkunu qegħdin ifittxu li jkomplu jitbiegħdu min-naħa t’isfel tal-klassifika u jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom mat-timijiet tan-nofs.

Żejtun Corinthians se jilgħabu mat-tim fl-aħħar post tal-klassifika Senglea Athletic. Ghall-Żejtun dan huwa konfront importanti sabiex jkomplu jitbiegħdu miż-żona tar-relegazzjoni u jsaħħu posthom f’nofs il-klassifika. Min-naħa l-oħra Senglea jinsabu f’pożizzjoni diffiċli hekk kif ftit fadlilhom tama li jsalvaw posthom fil-Kampjonat BOV Premier.

F’logħba bejn żewġ timijiet f’nofs il-klassifika Mosta jilgħabu kontra Birkirkara b’dawn tal-aħħar kienu għadejjin minn perjodu pożittiv qabel id-draw kontra Santa Lucia fl-aħħar ħarġa tagħhom. Min-naħa l-oħra Mosta se jkunu qegħdin ifittxu rebħa sabiex jitilgħu ‘il fuq fil-klassifika fil-pożizzjonijiet tal-Ewropa wara it-telfa li sofrew kontra it-tim tal-ewwel post Ħamrun.

KAMPJONAT BOV PREMIER
Illum: Centenary Stadium: Tarxien v Gżira U 5.00pm, Valletta v Balzan 9.00pm Għada: National Stadium: Floriana v Hibernians 2.00pm, Sliema W v Sirens 6.00pm Hibernians Stadium: Lija A v Gudja U 2.00pm, Żejtun C v Senglea A 6.00pm Il-Ħadd: National Stadium: Mosta v Birkirkara 2.00pm, Ħamrun S v Santa Lucia 6.00pm