Internazzjonali

Kwistjoni bejn l-Awstralja u Google kapaċi theżżeż lid-dinja diġitali

Liġi ġdida li qed jipproponi l-Gvern Awstraljan kapaċi toħloq terremot sħiħ fid-dinja digitali u dik tal-informazzjoni marbuta mal-aħbarijiet. Dan meta l-kumpanija Google qed thedded li toħrog mit-territorju Awstraljan, kemm-il darba tghaddi din il-ligi kontroversjali.

Il-Gvern Awstraljan tal-Prim Ministru Scott Morrison ħejja liġi li hi l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fid-dinja….Liġi li tobbliga kumpaniji bhal Google u Facebook biex iħallsu għall-kontenut li jkun gej mill-organizzazjonijiet tal-media.

Intant, il-kumpanija Google qed thedded li tneħħi s-search engine tagħha mill-Awstralja f’każ li l-Gvern ta’ dan il-pajjiż jinsisti biex iġiegħelha taqsam ir-royalties mal-entitajiet u kumpaniji li jippubblikaw l-aħbarijiet.

It-tmexxija ta’ Google, fl-istess ħin, qed tagħmilha ċara ili mhux se tbaxxi rasha għal din il-mossa — bil-Gvern Awstraljan iwieġeb li mhux se jzomm lura quddiem ‘atteġġjamenti ta’ bullying u theddid.’

Jekk kemm-il darba din il-ligi Awstraljana tidħol fis-sehh, hafna qed jaħsbu li din għandha tikkaġuna rivoluzzjoni sħiħa fid-dinja tal-informazzjoni u fejn, imbagħad, għandhom jinbidlu sew is-sistemi tan-networking minn kif nafuhom illum.