Futbol Sport

L-istorja ta’ meta kien iffirmat l-ewwel plejer barrani fil-futbol Għawdxi, illejla fid-9:30pm waqt Replay Preview

Eucharist Camilleri ma' György Handel

Forsi ftit jafu, iżda l-ewwel plejer barrani fil-futbol Għawdxi, kien reġistrat ma’ klabb u lagħab fil-Kampjonati Għawdxin, fl-1993. Dak in-nhar, Nadur Youngsters taħt il-Presidenza ta’ Eucharist Camilleri, kienu ffirmaw lill-eks attakkant internazzjonali Ungeriz, Gyorgy Handel. Sitt snin qabel, fl-1987, Handel kien lagħab partita waħda internazzjonali ma’ pajjiżu u fl-1991 hu kien iffirma mal-ewwel klabb f’Malta, li kien St. Andrews. Fl-1993, Camilleri kien sfida regola tal-Gozo FA li kienet tħalli tieqa għall-possibiltá li plejer barrani setgħa jilgħab fil-kompetizzjonijiet organiżżati mill-GFA u li ħadd qabel ma kien applika.

Nadur ħadu s-sogru li jirreġistraw l-ewwel plejer barrani f’Għawdex, u f’dak iż-żmien, il-GFA taħt it-tmexxija ta’ Dr Chris Said, illum Deputat fil-Parlament, kienu aċċettaw ir-reġistrazzjoni biex b’hekk, Handel sar l-ewwel plejer barrani fl-istorja li lagħab fil-futbol Għawdxi. Sfortunatament, nhar is-Sibt li għadda, tħabbret il-mewt ta; Handel fl-etá ta’ 61 sena, wara li kien pożittiv għall-COVID-19. F’Malta, Handel lagħab ma’ St.Andrews FC Malta u Qormi F.C., u fin-nofs ta’ dawn iż-żewġ esperjenzi ma’ dawn iż-żewġ klabbs Maltin, lagħab ma’ Nadur Youngsters. bejn l-1993 u l-1995.

Il-President Għawdxi li kien iffirma lil dan il-plejer, Eucharist Camilleri, Illejla se jkun il-mistieden ta’ Christian Micallef fir-rokna tant popolari ‘X’Sar Minnhom?’, waqt ikla ħafifa fir-restorant uffiċjali ta’ Replay (Net Television), Il-Veduta li jinsab fis-Saqqajja. Camilleri għamel 25 sena amministratur fil-futbol Għawdxi u serva f’diversi rwoli. Bla dubju Camilleri ra l-futbol Għawdxi jinbidel u jiżviluppa għalhekk din l-intervista hi waħda partikolari u interessanti li ħadd m’għandu jitlef.

Replay Preview jixxandar illejla, fid-9:30pm waqt Replay Preview fuq NET Television.