L-awtoritajiet madwar ir-Renju Unit qed jagħmlu l-kalkoli wara waħda mill-aktar maltempati devastanti li qatt laqtu l-pajjiż mill-bidu ta’ dan is-seklu….Maltempata ta’ qawwa straordinarja mlaqqma ‘Christoph’ li ħalliet kaos u konfużjoni kbira, fost il-ħalbiet tax-xita fit-tul, l-inżul ta’ borra u għargħar.
Filwaqt li mistenni aktar maltemp fi tmiem il-ġimgħa, l-awtoritajiet Britanniċi ikkonfermaw li talanqas persuna għerqet fi xmara u li numru ta’ djar spiċċaw fi stat ta’ periklu assolut minħabba l-valangi tal-art tal-aħħar sigħat.
Il-maltemp anki wassal biex jinfetħu l-ħofor kbar fl-art, magħrufin bħala sinkholes, fl-inħawi ta’ Essex County u f’Rochdale fir-reġjun ta’ Greater Manchester. Dan meta fl-aħħar sigħat kienu għaddejjin l-evakwazzjonijiet tan-nies minn diversi zoni ta’ periklu fl-Ingilterra u f’Wales.
Ir-residenti ta’ Didsbury kellhom jabbandunaw djarhom fejn talanqas 2,000 residenza spiċċaw vojta minħabba l-periklu ta’ għargħar mix-Xmara Mersey – bin-nies jispiċċaw evakwati wkoll miz-zona ta’ Northenden.
L-evakwazzjonijiet mid-djar irrankaw ukoll fin-naħa t’isfel ta’ Wales, partikularment mill-inħawi ta’ Ruthin u Bangor-on-Dee.
Fl-aħħar sigħat, l-Uffiċċju Meteoroliġiku kompla jwissi dwar ħalbiet ġodda ta’ maltemp, fost aktar inżul ta’ xita, borra u silġ u bl-awtoritajiet lokali jieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex jilqgħu għall-elementi.
Ix-xita kontinwa minn ‘Christoph’ anki kkaġunat numru kbir ta’ inċidenti diversi, fost id-dikjarazzjoni ta’ flood alerts fl-Ingilterra u f’Wales. Intant, l-Aġenzija għall-Ambjent baqgħet tinsisti dwar il-livell perikoluż’ tax-xmajjar. Bl-istat tal-allert dovut għall-maltemp mistenni jkompli sal-aħħar tal-ġimgħa.
//= $special ?>