Internazzjonali

Stati Uniti: Impenjati biex l-impeachment ta’ Trump jitmexxa b’mod xieraq

Ir-Repubblikani fis-Senat Amerikan qed jitolbu lill-membri Demokratiċi tal-Kamra biex jipposponu għal Frar il-proċess ta’ impeachment għall-eks President tal-Istati Uniti, Donald Trump. L-argument jibbaża fuq ‘il-fatt li d-dawmien jagħti opportunità lil Trump biex iħejji difiża xierqa’.

Il-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington, il-ġimgħa l-oħra, akkużat lil Trump bl-inċitament ta’ irvell qattiel fil-bini tal-US Capitol u l-aġir tiegħu se jkun ‘taħt il-lenti’ waqt il-proċess tal-impeachment (forma ta’ġuri) fis-Senat.

Din hi t-tieni darba li Donald Trump qed ikun suġġett għal proċess ta’ dan it-tip u jekk jinstab ħati hu jista’ ikun projbit minn kwalunkwe rwol pubbliku fil-futur.

Fl-aħħar sigħat. Chuck Schumer, wieħed mis-Senaturi Demokratiċi anzjani f’din il-kamra, kien qed jevalwa t-talba speċifika tar-Repubblikani. Dan meta numru ta’ membri Demokratiċi tas-Senat huma wkoll favur id-dawmien għall-proċess waqt li qed jgħidu li ż-żmien mirbuħ jagħti wkoll aktar żmien lis-Senat biex jikkonferma lill-persuni nominati għall-Kabinett.

Madankollu hemm is-senaturi li jridu li l-proċess tal-impeachment isir malajr kemm jista’ ikun ‘biex l-Istati Uniti tagħlaq il-kapitlu u tħares ‘il quddiem’.

L-azzjonijiet ta’ Trump qabel l-irvell tas-6 ta’ Jannar fil-qalba ta’ Washington se jkunu skrutinizzati b’mod partikulari waqt l-impeachment.

Dan meta l-eks President kien qal lid-dimostranti Repubblikani viċin il-White House biex ‘isemmgħu leħinhom fil-paċi u b’mod patrijottiku meta huma kienu qed iħejju biex jimmarċjaw fid-direzzjoni tal-Capitol. Intant, magħruf li Trump kien ħeġġeġ ukoll biex il-partitarji ‘jiġġieldu għal dak li jemmnu fih’.