Lokali

Żewġ persuni arrestati b’rabta ma’ droga

L-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga kompliet bil-ħidma tagħha kontra t-traffikar tad-droga wara li l-Erbgħa filgħaxija għall-ħabta tas-6:00pm arrestaw żewġ persuni, raġel ta’ 35 sena li jgħix Tas-Sliema u mara ta’ 38 sena li tgħix Santa Venera, qrib it-terminal taċ-Ċirkewwa.

Wara tfittxija fil-vettura tagħhom, instab pakkett b’ammont tad-droga suspettata kokaina.

Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti taħt arrest illum fil-11:30am quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech akkużat b’pussess aggravat ta’ droga kokaina u ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.