Lokali

Żieda fil-paga tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali li takkomoda lill-Prof. Scicluna – PN

Il-Partit Nazzjonalista jinnota l-mossa ta’ Edward Scicluna li żied il-paga tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta ftit qabel ma hu stess ħa din il-pożizzjoni. Żieda li takkomoda l-istess Professur Scicluna.

Il-Prof. Edward Scicluna żied il-paga tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali bi €11,000 fis-sena meta ftit taż-żmien qabel lill-predeċessur tiegħu kien infurmah li l-paga annwali tal-Gvernatur ma kinitx se tinbidel minn €89,000 matul it-terminu ta’ ħames snin.

Fi sqarrija maħruġa mid-deputat Mario de Marco, il-PN qal illi żgur li kien fl-aħjar interess tal-Bank Ċentrali li l-Prof. Edward Scicluna jżid is-salarju tal-predeċessur tiegħu meta din l-istess pożizzjoni kienet qed tissemma’ li se tingħatalu, u li n-nies qrib tiegħu tpoġġew jingħataw il-paga mill-Bank Ċentrali.

Sal-lum, il-Gvern Laburista għadu ma qalx kemm se jkun il-pakkett finanzjarju li se jingħata lill-Prof. Edward Scicluna tul iż-żmien li se jokkupa fil-pożizzjoni li ngħatatlu fil-Bank Ċentrali mill-Prim Ministru Robert Abela.

Il-PN jittama’ li dan il-kumpens japplika għall-bqija tal-ħaddiema kollha tal-Bank Ċentrali ta’ Malta mingħajr ebda distinzjoni.