Lokali

Il-COVID-19 jaffetwa l-kriminalità f’pajjiżna

Fis-sena 2020 pajjiżna ra tnaqqis fir-rapporti ta’ reati kriminali meta mqabbel mas-sena 2019.

F’sena partikolari fejn ir-reati setgħu naqsu minħabba miżuri restrittivi marbuta mal-COVID-19 bħall-għeluq tal-ajruport u l-istabbilimenti fost oħrajn, kien innotat li seta’ kien hemm moviment ta’ ċertu reati minn spazji tradizzjonali għal oħrajn bħal dawk teknoloġiċi.

Dan kollu ħareġ minn rapport dwar ir-rata ta’ kriminalità f’pajjiżna li sar mill-Professur Saviour Formosa.

Fl-2020 kien hemm total ta’ 13,087 reat irrapportata lill-pulizija. Tnaqqis ta’ ftit aktar minn 2,500 rapport meta kkumparat mas-sena ta’ qabel. Dan ifisser li f’pajjiżna rajna ftit iktar minn 25 reat għal kull 1,000 persuna.

Fost ir-reati li raw tnaqqis kien hemm is-serq, l-iffalsifikar ta’ dokumenti, ħsarat, feriti fuq persuni, offiżi sesswali, vjolenza kontra uffiċjali pubbliċi, nirien u frodi.

Fl-istess waqt hemm oqsma fejn ir-reati rreġistrati żdiedu mhux biss għax kienu iktar spissi iżda wkoll għaliex l-impenn tal-pulizija f’ċertu oqsma żdied. Dan bħal fil-każi ta’ ħasil ta’ flus, vjolenza domestika, immigrazzjoni, prostituzzjoni, ħasil ta’ flus, użu ħażin tal-komputer u każi relatati ma’ droga.

Fi tmiem konferenza tal-aħbarijiet, wieġeb għall-mistoqsijiet tal-media, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa’.