Futbol Sport

It-tielet telfa konsekuttiva għal Sliema

(Ritratt: Joe Borg/MFA)

SLIEMA W………………….1
SIRENS………………………3


Sliema: J.Galea, K.Shaw, A.Milesi, Gilmar (Comvalius 58’), J.Cisotti, R.Kisil, G.Aquilina, O.Linton, J.P Farrugia, M.Beerman, D.Vukovic
Sirens: D.Cassar, L.Bittaye, W.Domoraud, E.Callegari, A.Borg, J.Walker, S.Tounkara (H.Kone 55’), R.Scicluna, T.Agius, M.Bustos, J.Tamsir
Referee: D. Portelli
Assistenti Referees: P.Apap, R.Vella

Sirens ħasdu lil Sliema meta fl-Istadium Nazzjonali rebħulhom bl-iskor ta’ 3-1. Għal Sliema din kienet daqqa ta’ ħarta fit-tentattiv tagħhom li jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat. Filwaqt li din kienet it-tielet telfa konsekuttiva għal Sliema, Sirens irritonraw għar-rebħ wara id-disfatta li kellhom kontra Ħarmun biex b’hekk telgħu fl-għaxar post tal-klassifika bi 22 punt.
Sirens fetħu l-iskor fl-20 minuta meta minn corner minn fuq il-lemin, l-ewwel tentattiv bir-ras ħabat mal-lasta, biex mit-tieni tentattiv kien LAMIN BITTAYE li tefa’ ġewwa mill-viċin.

Filwaqt li Sliema iddominaw il-pussess tal-ballun Sirens baqgħu joperaw bil-kontrattakk. Sirens reġgħu kienu viċin għal darb’oħra permezz ta’ Bittaye li wara ġirja b’saħħitha min-nofs il-grawnd ra it-tentattiv tiegħu salvat minn Jake Galea. Lejn l-aħħar tal-ewwel taqsima Sirens kellhom diversi attakki perikolużi, li madanakollu ma sarrfu fl-ebda konklużjonijiet fil-lasti ta’ Galea. Iżda fit-43 minuta Sirens ingħataw penalty meta Bittaye twaqqa’ fil-kaxxa mid-difensur ta’Sliema, li minnu inkariga ruħu WILFRIED DOMORAUD li mill-ħdax –il metru ma żbaljax, bl-ewwel taqsima tintemm bl-iskor ta’ 2-0 favur Sirens.

Fit-tieni taqsima Sliema pruvaw iżidu l-pressjoni iżda it-tim immexxi minn Giovanni Tedesco renxxielu jiskorja it-tielet gowl tal-partita permezz ta’ xutt mill-isbaħ mid-distanza ta’ WILFRIED DOMORAUD. Sliema skorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni fis-87 minuta permezz tas-sostitut SYLVANO COMVALIUS għal skor finali ta 3-1 favur Sirens.