Coronavirus Lokali Saħħa

Jiżdiedu l-imwiet bil-COVID-19 f’pajjiżna

Fl-aħħar 24 siegħa tilfu ħajjithom żewġ persuni kawża tal-COVID-19 f’pajjiżna biex l-ammont totali ta’ dawk li sfaw vitmi tal-pandemija issa tela’ għal 250.

Skont l-aħħar aġġornament ta’ ‘Saħħa’ fuq Facebook il-każi attivi f’Malta u f’Għawdex naqsu għal 2,646. Dan meta apparti l-mara ta’ 89 sena u r-raġel ta’ 77 sena li mietu, fl-aħħar sigħat fiequ 211 persuna filwaqt li kienu rreġistrati 119-il każ ġdid tal-Coronavirus.

Dawn l-aħħar numri ħarġu minn fost ftit iktar minn 2,500 swab test li huwa tnaqqis sostanzjali ta’ testijiet meta kkumparat mat-testijiet li konna qed naraw fi ġranet preċedenti.

L-Awtoritajiet tas-Saħħa ħabbru wkoll li s’issa ingħataw 17,767 doża tal-vaċċin għall-kontra l-COVID-19 li numru żgħir minnhom jinkludi persuni li ħadu ż-żewġ dożi tal-vaċċin filwaqt li l-maġġoranza tagħhom kienu persuni li s’issa ħadu biss l-ewwel doża.

Intant, l-istatistika turi li minn Marzu tal-2020 pajjiżna rreġistra total ta’ 16,542 każ u li minnhom fiequ 13,646.