Lokali

“Pajjiżi jixraqlu bidu ġdid” – Charles Azzopardi

“Il-manuvri ma jdejqunix. Anżi jsaħħuni aktar. Pajjiżi jixraqlu bidu ġdid. Mill-qiegħ. Tiġġustifikawx l-għemil tagħkom. L-għemil tagħkom għal erba’ darbiet konsekuttivi, qatt ma jista’ jkun iġġustifikat. Jekk tagħmlu hekk lil min kien magħkom għal tant snin, x’lesti tagħmlu lil min qatt ma kellu imħabba jew ammirazzjoni lejn il-Partit Laburista.”

Kien dan il-messaġġ b’saħħtu li wassal fuq Facebook, l-eks Sindku Laburista tar-Rabat, Charles Azzopardi meta tkellem dwar il-manuvri li qed ikomplu għaddejin fil-kamp Laburista taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela.

Charles Azzopardi, saħaq li hu se jibqa’ b’saħħtu quddiem dawn il-manuvri li qed isiru biex “jippruvaw biss inisslu l-biżgħa”. Skont dak li kiteb Azzopardi, jidher li bħalissa numru ta’ kuntratturi qed jintalbu biex imorru jagħtu l-evidenza tagħhom (dwar xogħolijiet li kienu saru meta Azzopardi kien Sindku) lill-pulizija fid-Depot.

L-eks Sindku tar-Rabat saħaq li f’laqgħa li kellu mal-Prim Ministru Robert Abela f’Kastilja fid-9 ta’ Novembru hu qallu biex iwettaq ġustizzja u biex ma jkunx bħal ta’ qablu. Dan kien kliem Azzopardi b’referenza għal Joseph Muscat, fejn anke saħaq li hu ma talab għal ebda favuri iżda xtaq biss li familtu tieqaf issofri minn ħsara.

Fl-istatus tiegħu, Azzopardi żvela li Robert Abela kelmu fis-26, 27 u 28 ta’ Novembru fejn talbu biex imur għandu u biex jiltaqgħu. Kien hawnhekk fejn Azzopardi stqarr li ħass li ma kellux jiltaqa’ mal-Prim Ministru anke jekk apprezza l-messaġġi tiegħu.

Fl-aħħar jiem, saret l-elezzjoni każwali biex jimtela’ is-siġġu battal tal-eks Ministru Edward Scicluna fil-Parlament. Charles Azzopardi kkontesta għal din l-elezzjoni iżda kien Gavin Gulia li kiseb il-maġġoranza tal-voti għall-Partit Laburista. Madanakollu, ftit sekondi wara li ħa l-ġurament tal-ħatra, Gulia rriżenja minn Deputat fuq talba tal-Prim Ministru biex b’hekk Robert Abela seta’ jdaħħal lil min ried hu fil-Parlament u mhux lil min ried l-elettorat.

Charles Azzopardi saħaq li fit-12 ta’ Jannar, wara li ma kienx hu li ġab il-maġġoranza tal-voti u allura ma kienx ġie elett bħala Deputat tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru kkuntatjah u talbu jmur Kastilja għal kafe. Skont Azzopardi, Robert Abela qallu “ejja ħa nieħdu kafe flimkien. Fijja se ssib ħabib li tista’ tafdah.” Azzoppardi stqarr li jafda fis-sewwa u dejjem hekk għamel, saħaq li jafda f’Abela iktar milli jafda f’ta’ qablu. Kien hawnhekk fejn Azzopardi għamel referenza għal dak li kiteb dwaru qabel tul l-istatus tiegħu fejn semma’ kif fil-fehma tiegħu kieku kien frodist il-Prim Ministru ma kienx ikun irid jiċċappas miegħu. Kien hawhekk fejn Azzopardi fakkar kif il-pulizija qed tibgħat għall-kuntratturi. Il-messaġġi ta’ Robert Abela waslu ftit tas-sigħat qabel il-manuvri li għamel fil-Parlament bis-siġġu ta’ Edward Scicluna u Gavin Gulia.

L-eks Sindku Laburista saħaq li l-politika saret sistema li topressa lil min jaħdem b’ideal nobbli. “Għodda nobbli ġibniha mannara li nitwaħħxu minnha.” Hu stqarr li llum jifhem x’kienu il-Frameups tas-70s. “Emmint li partit fl-oppożizzoni għal partit fil-Gvern jista’ jinbidel”, saħaq Azzopardi b’referenza għal dak li ra fl-aħħar snin mill-Partit Laburista.

Charles Azzopardi qal li fl-aħħar jiem kellu diversi konverżazzjonijiet u laqgħat ma numru ta’ esponenti fil-Partit Laburista. Hu saħaq li “l-logħba tal-poker, se jħalliha għal ħaddieħor. “Biżżejjed mardet familti. Rajt, smajt, ġarrabt u naf bosta affarijiet. Qabli kien hemm oħrajn li batew. F’dawn il-mitt sena tal-Partit Laburista, inqdejna b’bosta. Kieku kont ħukom, missierkom, jew binkom taħsubha bħali. Tkunu tistgħu tifmhu aħjar.”