Futbol Sport

Penalty fl-aħħar minuti jikkastiga lil Lija

(Ritratt: MFA)

George Cassar

Lija A………………………0

Gudja U………………………1

Lija A.: L. Bonnici, C. Cassar (A. Mizzi 67’), (D. Scerri 86’), I. Borg, C. Giordimaina, J.C. Gill, W. Serrano, H. Wood, F. Brandan, C. Flores, E. Beu, M. Jimenez

Gudja U.: G. Zammit, N. Micallef, I. Gonzalez, G. Adamovic, J. Bolanos, D. Camilleri, L. Cremona, G. Mensah (L. Pisani 91’), Vanger (H. Vella 90’), Y. Messias, Elton (J. Brincat 76’)

Skurja: Y. Messias – pen. 88’ (G)

Referì: E. Mangion

Il-plejer tal-logħba: F. Brandan (L)

Penalty ta’ Yuri Messias, żewġ minuti qabel tmiem il-ħin regolamentari, ta tliet punti lil Gudja United u kkastiga lil Lija Athletic għat-tlettax-il partita konsekuttiva bla rebħa.

Din kienet l-ewwel logħba tas-sena 2021 għal dawn it-timijiet hekk kif iż-żewġ skwadri kienu fi kwarantina. Għal Gudja ddebuttaw iż-żewġ akkwisti l-eks Tarxien Vanger Conceicao u l-eks Victoria Hotspurs Elton Da Silva. Għal Lija kellu debutt pożittiv f’nofs il-grawnd l-Arġentin Walter Serrano.

L-ewwel taqsima kienet xotta mill-azzjonijiet u kien biss Erjon Beu ta’ Lija li resaq qrib b’azzjoni personali fit-38 minuta. Fl-ewwel minuta tat-tieni taqsima Gudja ġiehom ċans tajjeb b’xutt mill-viċin ta’ Vanger li kien salvat ferm tajjeb mill-captain ta’ Lija Luke Bonnici.

L-azzjoni li ddeċidiet ir-riżultat waslet fit-88 minuta meta Daniel Scerri ġie ġġudikat li waqqa’ lil Gabriel Mensah f’tarf il-kaxxa. Yuri Messias skorja l-penalty f’dak li jista’ jkun l-aħħar gowl tiegħu ma’ Gudja hekk kif qed jiġbed interess minn klabbs barranin.