Sport Sport Ieħor

Possibilita’ li l-Olimpjadi jsiru wara bibien magħluqa

(Ritratt: EPA)

Il-President tal-World Athletics, Lord Coe, saħaq li l-Olimpjadi li se jsiru is-sajf li ġej f’Tokjo, jistgħu jsiru wara bibien magħluqa minħabba l-coronavirus.

Għalkemm Lord Coe jippreferi li jkun hemm il-partitarji, huwa qal li kulħadd jaċċetta il-possibilta’ li dawn isiru mingħajr partitarji, sakemm dawn ma jiġux ikkanċellati. Coe, li mexxa l-kumitat organizzattiv tal-Olimpjadi f’Londra fl-2012, saħaq li ma jkunx realistiku li l-Olimpjadi ta’ Pariġi tal-2024 kif ukoll dawk ta’ Los Angeles ta-2028 jkunu posposti b’erba’ snin oħra. Huwa qal dan b’reazzjoni għas-suġġeriment tas-sindku t’Osaka, li aktar kmieni qal li l-Olimpjadi ta’ Tokjo għandhom ikunu posposti b’ konsegwenza li jiġu posposti iż-żewġ edizzjonijiet li jsegwu.

B’reazzjoni ukoll għas-suġġeriment tas-sindku t’Osaka, l-organizzaturi ta’ Tokyo 2020 saħqu li l-Olimpjadi se jsiru kif inhu ppjanat filwaqt li l-kap eżekuttiv Toshiro Muto, qal li l-proċess ta’ vaċċinazzjoni madwar id-dinja se jkunu determinanti għall-andament ta’ dawn l-Olimpjadi.