Futbol Sport

Southampton javvanzaw għall-ispejjeż tal-holders, Arsenal

Southampton ibbukkjaw posthom fir-rawnd li jmiss tal-FA Cup wara wirja tajba oħra, u fejn irnexxielhom jeliminaw lil Arsenal, il-holders tat-tazza, f’logħba kumbattuta f’St Mary’s Stadium. Is-Saints fetħu aggressivi fl-ewwel ħinijiet u kienu premjati meta d-difensur tal-Gunners, Gabriel fl-24 minuta, xeħet il-ballun fix-xibka tiegħu stess għal awtogol klassiku li kellu jiddeċiedi l-konfront. Il-mument deċiżiv wasal meta d-difiża ta’ Arsenal inqabdet fuq sieq waħda fuq il-cross insidjuż ta’ Kyle Walker-Peters.

Il-gowl kien l-ewwel wieħed li sofrew Arsenal wara 508 minuta, b’din tkun anki l-ewwel telfa għall-Gunners f’seba’ logħbiet konsekuttivi.
Southampton kellhom iċ-ċansijiet li jżidu l-iskor, bil-gowlkiper, Leno, iwettaq save brillanti fuq Che Adams waqt li James Ward-Prowse laqat il-mimduda direttament minn corner. Is-Saints anki kellhom għajta valida għal penalty meta s-sostitut Shane Long twaqqa’ minn Holding fil-kaxxa — bir-referi Peter Bankes ħalla l-logħob għaddej.

Arsenal daħlu aktar fil-logħba fit-tieni 45 minuta, iżda t-tentattiv ta’ Eddie Nketiah– li ġiegħel lil Fraser Forster iwettaq save stupend — kien l-uniku periklu serju għad-difiża tas-Saints, li, minn dak il-ħin, ikkontrollat ir-riżultat mingħajr wisq tbatija. Wieħed irid imur lura għall-1976 għall-aħħar darba li Southampton rebħu l-FA Cup u fejn huma kienu għelbu lil Manchester United fil-finali, b’gowl uniku ta’ Bobby Stokes. Intant, huma, issa, jiltaqgħu ma’ Wolves fir-rawnd li jmiss tal-kompetizzjoni u wara li t-tim mill-Black Country kellu jistinka mhux ħażin biex jelimina lit-tim tan-non-league, Chorley, b’gowl uniku skurjat minn Vitinha.

Cheltenham, it-tim ta’ League Two, kienu qrib li jwettqu waħda mill-akbar sorpriżi fl-istorja tal-kompetizzjoni meta, sa għaxar minuti mit-tmiem, kienu qed igawdu vantaġġ ta’ 1-0 fuq Manchester City bil-gowl ta’ Alfie MAY jasal fid-59 minuta. Intant, il-klabb tal-Premier League salva kollox fl-aħħar ħinijiet fejn wieġeb tliet darbiet minn Ben FODEN (81), Gabriel JESUS (84) u Ferran TORRES (94) li evitaw umiljazzjoni storika għas-Sky Blues ta’ Pep Guardiola.

West Ham United żammew mal-pronositiku b’rebħa 4-0 fuq Doncaster Rovers ta’ League One fil-London Stadium. West Ham United żammew mal-pronositiku b’rebħa komda, 4-0, fuq Doncaster Rovers ta’ League One, fil-London Stadium. Il-Hammers marru fil-vantaġġ minn FORNALS wara biss żewġ minuti, b’YARMOLENKO jirdoppja man-nofs-siegħa logħob. Rovers ma kellhom l-ebda tweġiba u fit-tieni taqsima, West Ham żiedu tnejn oħra b’awtogol ta’ Butler u AFOLAYAN.

Brighton and Hove Albion kellhom jitħabtu aktar milli mistenni biex jegħlbu l-isfida ta’ Blackpool – tim ieħor minn League One — bis-Seagulls, issa, jiltaqgħu mar-rebbieħ tal-konfront bejn Brentford u Leicester City, fir-rawnd li jmiss. Yves BISSOUMA fetaħ l-iskor għal Brighton b’xutt bomba għal ġos-saqaf tax-xibka iżda t-Tangerines ħasdu lill-avversarji aktar kwotati bil-gowl tad-dro skurjat minn Gary MADINE, sekondi qabel il-mistrieħ. Intant, Brighton meritatament marru fil-vantaġġ għat-tieni u l-aħħar darba, meta Steven ALZATE li dawwar għal ġewwa it-tentattiv ta’ MacAllister.

Tim ieħor tal-Premier League, Sheffield United, ukoll kellu jissupera sfida denja minn avversarji ta’ League One iżda, fl-aħħarnett irnexxielu jelimina lil Plymouth Argyle, 2-1, fi Bramall Lane. Il-Blades ħadu vantaġġ doppju minn Chris BASHAM u Billy SHARP iżda kwarta mit-tmiem, PEREIRA CAMARA naqqas il-marġni għall-Pilgrims, li, madankollu, ma setgħux isibu gowl ieħor biex jisfurzaw il-ħin barrani.

FA CUP
Ilbieraħ: Chorley v Wolves 0-1 Illum: Southampton v Arsenal 1-0, Barnsley v Norwich 1-0, Brighton v Blackpool 2-1, Milwall v Bristol 0-3, Sheff. Utd v Plymouth 2-1, Swansea v Nott. Forest 5-1, West Ham v Doncaster 4-0, Cheltenham v Man City 1-2 Għada: Chelsea v Luton 1.00pm, Brentford v Leicester 3.30pm, Fulham v Burnley 3.30pm, Man Utd v Liverpool 6.00pm, Everton v Sheff. Wed. 9.00pm It-Tnejn: Wycombe v Tottenham 8.45pm It-Tlieta: B’mouth v Crawley 9.00pm