Lokali

11-il mewta f’sentejn fil-ħabs

Il-fatt li 11-il persuna mietu taħt il-kustodja tal-awtoritajiet tal-Ħabs f’dawn l-aħħar sentejn huwa ċertifikat ta’ falliment fit-tmexxija tal-Faċilita’ Korrettiva …u huwa indikatur li hemm xi ħaġa ħażina.

Kumment editorjali iebes fil-ħarġa ta’ The Sunday Times fil-konfront tat-tmexxija tad-Direttur tal-Ħabs, l-eks Kurunell Alex Dalli, deskritt mill-ġurnal bħala bniedem affaxxinat b’insinji u parati li jixhdu profil ta’ kurunell li mingħalih qed imexxi repubblika militari għalih.

Persuna li temmen li għandha dritt omnipotenti m’għandhiex tkun fdata tmexxi istituzzjoni magħluqa bħalma hi l-Faċilita’ Korrettiva, itenni l-editorjal.

Il-qraba u l-avukati ftit li xejn ingħataw informazzjoni dwar l-imwiet u d-Direttur Dalli naqqas drastikament l-aċċess fil-Ħabs għall-għaqdiet mhux governattivi u l-media.

L-editorjal ikompli li jekk dak li qed jiftaħar dwaru Alex Dalli li qered id-droga mill-Ħabs huwa veru, iktar u iktar iqanqlu mistoqsijiet dawn il-11 imwiet kemm-il darba m’humiex overdose ta’ droga.

Barraminhekk, dan kien imgiddeb mill-eks Ministru tal-Intern stess, Michael Farrugia, meta fil-Parlament kien qal li kien hemm 14-il sejba ta’ droga matul l-2019. Li jfisser li d-Direttur ma jistax jibqa’ jilgħab il-karta li elimina d-droga biex jiġġustifika l-abbuż ta’ poter li qed iwettaq.

L-editorjal jinsisti li hu inkwetanti li l-Ministru attwali tal-Intern Byron Camilleri qed jiddefendi lid-Direttur tal-Ħabs, anki meta kien iffaċċjat bl-użu tal-hekk imsejjaħ siġġu tal-kastig, wara diversi drabi jiċħdu l-eżistenza ta’ dan il-metodu ta’ kastig.

Byron Camilleri kien ikkwotat jgħid li dawn huma metodi biex jitrażżnu priġunieri perikolużi. L-editorjal jgħid li hekk hemm xi ħaġa li għandha tiġi mrażżna, dan hu d-Direttur innifsu u l-metodi awtoritarji tiegħu.

The Sunday Times sejħet għat-tneħħija tal-eks Kurunell Alex Dalli biex minflok jinħatar Direttur ikkwalifikat li jmexxi l-Ħabs b’dixxiplina iżda wkoll b’umanita’. L-Awtoritajiet tal-Ħabs għandhom ukoll jipprovdi mill-ġdid, aċċess kontrollat fil-Ħabs għall-NGO’s u l-media mingħajr iktar dewmien.