Lokali

Abela jippolitiċizza ħidmet Charmaine Gauci biex jipprova jiskorja punti politiċi

Hekk kif pajjiżna għadu qed jiffaċċja diversi sfidi kawża tal-pandemija tal-Covid-19, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela għażel li jippolitiċizza l-ħidma siewja tas-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.

Waqt l-attività politika tal-Ħadd filgħodu f’Ħal Tarxien, Abela uża opinjoni ta’ persuna privata li kienet ippubblikata fuq gazzetta lokali biex jattakka lill-Partit Nazzjonalista li, skont hu, kkritika lill-Professur Gauci.

Għal ħafna, dan il-kliem juri l-arroganza tal-Prim Ministru, li nħeba wara n-nuqqas tal-verità biex jipprova jiskorja punti politiċi billi ppolitiċizza lis-Suprintendenza tas-Saħħa Pubblika.

Fil-fatt, fl-aħħar xhur, il-Professur Gauci kellha diversi laqgħat mat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista u anke ħadmet mill-qrib mal-Covid-19 Reponse Team li nieda Bernard Grech ftit jiem biss wara li laħaq Kap tal-Partit.

Min-naħa l-oħra, kien il-Gvern ta’ Robert Abela li ta transfer vendikattiv lil Konsulent Mediku li esprima kawtela għall-ftuħ mill-ġdid tal-Iskejjel, fid-dawl taċ-ċifri li splodew ‘il fuq fl-ewwel jiem ta’ din is-sena.

Ikkummenta