Internazzjonali

Covid-19: L-ewwel infezzjoni qalb il-komunità wara xhur fi New Zealand

L-awtoritajiet fi New Zealand irrappurtaw l-ewwel każ ta’ Covid-19  ‘barra faċilità għall-kwarantina’ – jiġifieri qalb il-komunità – wara aktar minn xahrejn mingħajr imqar każ wieħed fil-pajjiż.

L-uffiċjali tas-saħħa qalu li mara ta’ 56 sena li fl-aħħar jiem irritornat New Zealand mill-Ewropa testjat pożittiv għaxart ijiem wara li hi ikkonkludiet ġimgħatejn ta’ ‘iżolament taħt superviżjoni’.

L-awtoritajiet lokali qed jinsistu dwar il-miżura għall-iżolament kulmeta jasal ċittadin ta’ New Zealand minn barra. Intant, bdew minnufih il-proċeduri tal-‘contact tracing’, bl-awtoritajiet jippubblikaw lista tal-lokalitajiet li żaret din il-mara.

L-awtoritajiet fi New Zealand kienu mfaħħra madwar id-dinja għall-mod kif huma rreaġew għall-Covid-19 u l-effetti tiegħu. Dan il-pajjiż, li għandu popolazzjoni ta’ ħames miljuni, ikkonferma 1,927 każ ta’ infezzjoni u 25 mewta fiż-żmien kollu li ilha għaddejja l-pandemija.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru tal-Italja, Giuseppe Conte, insista li ‘mhux aċċettabbli’ id-dawmien fid-distribuzzjoni tal-vaċċini ta’ Pfizer u AstraZeneca għal kontra l-coronavirus. Iż-żewġ kumpaniji, intant, wissew li mhumiex se jkunu jistgħu iwasslu l-vaċċini lill-Unjoni Ewropea fiż-żmien li ftehmu dwaru minħabba issues relatati mal-produzzjoni.

Conte akkuża lill-kumpaniji dwar ‘ksur serju tal-kriterji tal-kuntratti li huma daħlu għalihom’. Intant, mhux eskluż li l-Italja jkollha ‘tikkunsidra mill-ġdid’ il-programmi tat-tilqim jekk il-proviżjoni tal-vaċċini tibqa’ issib l-intoppi.

Il-vaċċin tal-Astra Zeneca – żviluppata mill-Università ta’ Oxford – għadha ma ngħatatx l-approvazzjoni mill-UE. Madankollu ir-regolatur tal-mediċina tal-Unjoni mistenni li japprova l-vaċċin inkwistjoni sal-aħħar tax-xahar.

Fi żvilupp ieħor, il-Viċi Uffiċjal Mediku Ewlieni fl-Ingilterra wissa li n-nies li jingħataw vaċċin kontra l-Covid-19 jistgħu xorta jgħaddu l-virus lil ħaddieħor, filwaqt li talab biex il-persuni mlaqqmin jirrispettaw ir-regoli tal-lockdown.

Il-Professur Jonathan Van-Tam, permezz ta’ artiklu fis-Sunday Telegraph, enfasizza li x-xjenzati ‘għad ma jafux l-impatt tal-vaċċin fir-rigward tat-trasmissjoni (tal-virus).’ Hu sostna li l-vaċċini qed jagħtuna ‘tama’ fil-ġlieda kontra l-Covid-19 iżda, fl-istess ħin, wissa dwar il-bżonn li r-rati ta’ infezzjoni attwali ‘jinżlu malajr kemm jista’ ikun’.