Lokali

Dewmien fir-riżultati tal-iswabs… jitħassru operazzjonijiet

Il-Ħadd 24 ta’ Jannar 2021 … jum li Stephen Bonello ilu jistenna għal dawn l-aħħar sitt snin … jum li fih kellu jintemmlu l-uġiegħ li kien għaddej minnu matul dan iż-żmien kollu għax kien se jsirlu intervent mediku.

Iżda dan ma kellux ikun …

Imbikkem, Stephen Bonello tkellem ma’ NET News li jumejn wara li mar jagħmel swab test … kif mitlub qabel ma wieħed jagħmel operazzjoni … mar ippreparat l-Isptar Mater Dei, iżda qalulu li r-riżultat tal-iswab test tiegħu għadu ma ħariġx u għalhekk, l-operazzjoni tiegħu kellha tiġi posposta.

Stephen spjega li minbarra l-operazzjoni tiegħu, kien hemm numru ta’ operazzjonijiet oħrajn li ġew posposti minħabba l-istess problema.

Minbarra t-tħassib li s’issa għadu ma nagħatax data oħra għall-operazzjoni, hu qal li dan id-dewmien fir-riżultat qed jinkwieta mhux biss lilu, iżda anke lil dawk kollha ta’ madwaru u li ltaqa’ magħhom, f’każ li joħroġ pożittiv għall-Covid-19.

Ma’ NET News hu qal li dan id-dewmien mhu xejn ħlief sinjal tal-inkompetenza u nuqqas ta’ ppjanar tal-Gvern, li minħabba f’hekk, qed jispiċċaw ibatu nies li ilhom żmien twil jistennew għal operazzjoni u anke persuni qrib tagħhom.