Coronavirus Lokali

Ebda evidenza li l-Covid-19 qed jinxtered minn stabbilimenti tal-‘catering’

L-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering qalet li sejħiet għal ‘curfew’ huma inġusti. Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni qalet li sa issa ma kien hemm ebda evidenza xjentifika li l-virus tal-Covid-19 qed iżid l-imxija tiegħu minn stabbilimenti tal-‘catering’ li qed isegwu l-protokolli maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Il-membri tal-assoċjazzjoni qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jiġġieldu l-imxija u jinsabu f’mument delikat fejn qed jipprovaw isalvaw l-għixien tagħhom u dak tal-impjegati tagħhom.

L-Assoċjazzjoni qalet li hu fatt magħruf li qed isiru diversi attivitajiet f’residenzi privati u stabbilimenti għall-kiri, b’mod partikolari f’Għawdex u għaldaqstant, jekk hemm xi miżura li għandha tidħol, għandha tkun li tissorvelja dawn ir-residenzi u stabbilimenti.

L-Assoċjazzjoni appellat lill-membri biex ikomplu jsegwu l-protocols tal-awtoritajiet tas-saħħa u ħeġġet lill-awtoritajiet biex iwasslu b’iktar insistenza l-messaġġ dwar il-perikli ta’ persuni li qed jinġabru f’residenzi privati u stabbilimenti għall-kiri.