Lokali

Għall-PN, mas-Saħħa m’hemmx kompromess

Mas-Saħħa m’hemmx kompromess. L-Isptarijiet u l-Professjonisti Mediċi tagħna spiċċaw taħt pressjoni, bl-ITU ma jistax ilaħħaq u b’riskju qawwi li ma jkollniex biżżejjed riżorsa umana, tant li l-Infermieri u t-Tobba jikkollassaw.

Hekk qal id-Deputat Nazzjonalista u Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri waqt l-intervent tiegħu fl-attività politika fin-Nadur. Bħala Tabib hu nnifsu, Stephen Spiteri rringrazzja lill-Professjonisti Mediċi għad-determinazzjoni tagħhom biex ikomplu jsalvaw il-ħajjiet.

Id-Deputat Nazzjonalista fakkar fil-ħidma li qed jagħmel il-Covid-19 Response Team, li grazzi għalih, il-Partit Nazzjonalista qed joħroġ bi proposti għall-immaniġġjar tal-pandemija.

Stephen Spiteri qal li ma jistax ikun li l-Gvern ikompli jipprova jaljena lin-nies billi jgħid li minn Mejju se nkunu business as usual. Għax għalkemm hi importanti, it-tilqima mhix l-unika soluzzjoni, ladarba xorta rridu naraw li nieħdu ħsieb li l-virus ma jkomplix jinxtered.

Filwaqt li sellem il-memorja tal-vittmi kollha li sfortunatament tilfu ħajjithom fl-aħħar xhur kawża tal-pandemija, hu appella li l-Privat għandu jkun sieħeb importanti biex it-tilqima tasal aktar malajr għand in-nies.

Il-Patit Nazzjonalista se jkompli jippreżenta proposti innovattivi biex il-ġid jasal fis-soċjetà kollha, tenna l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, li iżda nnota kif mhux l-istess jista’ jingħad għall-mod kif qed jimxi l-Gvern ta’ Robert Abela.

Fil-fatt, hu rrefera għas-sitwazzjoni fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fejn qal li anke hawn, ta’ Steward Healthcare ma mxewx mal-obbligi li ntrabu għalihom, b’diversi deadlines issa nqabżu bi snin sħaħ.

U dwar is-saħħa mentali, hu fakkar fl-importanza li l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech qed jagħti lil dan is-settur. Barra minhekk, il-Partit Nazzjonalista jemmen ukoll fl-importanza li għandha l-kura fil-komunità għalmin għandu jgħix bi sfidi bħal dawn.

Il-pandemija sabet Gvern dgħajjef u dilettant
Fl-attività tkellem ukoll il-Kandidat Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li ġejja Ivan Castillo, li qal li f’pajjiżna, il-pandemija sabet Gvern dgħajjef u dilettant. Dan meta l-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed li se jibqa’ jsus wara l-Gvern biex il-ħaddiema kollha jegħlbu l-isfidi kbar li qed jiffaċċjaw.

Hu qal li pajjiżna għandu bżonn Gvern li kapaċi jippreżenta Paġna Ġdida. Dan anke fid-dawl tal-proċess li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista, taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech, biex il-Partit ikompli jiġġedded u jorganizza mill-ġdid lilu nnifsu.

Hu qal li mhux aċċettabbli li ħaddiema Għawdxin jaqilgħu paga medja anqas minn ħaddiema Maltin. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jippreżenta proposti għall-ħaddiema kollha – irrilevanti l-kulur politiku tiegħu – għax jemmen li aħna lkoll Maltin u Għawdxin.