Internazzjonali

Iċ-Ċina: Jittellgħu ħajjin wara ġimgħatejn f’qiegħ ta’ minjiera

L-iskwadri tas-salvataġġ fiċ-Ċina rnexxielhom itellgħu ħajjin lil ħdax-il ħaddiem li kienu ilhom gimgħatejn maqbudin fil-fond ta’ minjiera tad-deheb– mijiet ta’ metri taħt l-art.

Il-fatt li l-ħaddiema baqgħu ħajjin qed jitqies, ftit jew wisq, bħala ‘miraklu’, bil-filmati jaqbdu lill-ewwel ħaddiema qed jittellgħu mill-minjiera fost l-għajjat ta’ ferħ u applawż mill-membri tal-iskwadri li jispeċjalizzaw f’dawn it-tipi ta’ emerġenza.

Intant, għaddejjin l-isforzi biex jinstabu talanqas għaxar ħaddiema oħra li għadhom neqsin wara li huma wkoll inqabdu fil-qiegħ tal-minjiera ta’ Hushan – fejn il-ħaddiema qed jaħdmu f’kundizzjonijiet mill-aktar diffiċli.

Il-minjiera, fil-provinċja ta’ Shandong, kienet ikkrollat minħabba splużjoni li seħħet fl-10 ta’ Jannar.

Mifhum li talanqas 22 ħaddiem spiċċaw ‘iżolati taħt l-art’ b’kaġun tal-isplużjoni li l-kawża tagħha għadha mhix magħrufa. Intant, talanqas ħaddiem wieħed spiċċa jitlef ħajtu u s’issa mhux magħruf kemm setgħu salvaw minn fost il-ħaddiema li għadhom f’qiegħ il-minjiera,

Uħud mill-ħaddiema li ttellgħu mill-minjiera huma f’kundizzjoni ħażina u dawn minnufih ittieħdu lejn l-isptar għal trattament. Madankollu kien xi ħaddiema salvati li setgħu jimxu waħedhom – bl-għajnuna tal-membri tal-iskwadri tas-salvataġġ – qabel huma wkoll kienu trasportati lejn l-isptar.