Internazzjonali

Il-poplu tal-Portugall jivvota għal President fost il-lockdown

Il-poplu tal-Portugall qed jivvota biex jeleġġi l-President ta’ pajjiżu, bil-votazzjoni ssir fi żmien meta ‘il-kuntest’ tal-pandemija tal-Covid-19 qed jiġġenera ħafna aktar aħbarijiet mill-prospetti elettorali tal-President Portugiż Marcelo Rebelo de Sousa. L-indikazzjonijiet huma li de Sousa x’aktarx li jikseb mandat ġdid ta’ Presidenza, għalkemm il-poplu jinsab aktar inkwetat mill-impatt li qed ikollu l-coronavirus fuq ħajjithom.

Il-Portugall – pajjiż ta’ xi għaxar miljuni – fl-aħħar jiem kien qed jikser ir-rekords minn jum għall-ieħor fir-rigward tal-imwiet mill-virus. Ta allarm partikulari kienu l-221 mewta f’24 siegħa li l-awtoritajiet tas-saħħa nazzjonali konfermaw għall-jum tal-Ħamis.

L-aħħar rawnd tal-kampanja politika ta’ qabel l-elezzjoni din id-darba ma sarx minħabba ċ-ċifri inkwetanti u l-impożizzjoni ta’ tieni lockdown nazzjonali, jiem ilu, fil-Portugall.

Intant, ma kien hemm l-ebda possibbiltà li l-vot tallum jispiċċa pospost. Lanqas ma hu eskluż li l-konkorrenza ta’ votanti tkun waħda baxxa ‘għal kull żmien’ f’dan il-pajjiż.