Internazzjonali

Il-President tal-Veneżwela lest li ‘jaqleb il-paġna’ mal-Istati Uniti

Nicolas Maduro

Il-President tal-Veneżwela, Nicolas Maduro, qal li hu lest biex ‘jaqleb il-paġna’ u jtejjeb ir-relazzjonijiet mal-Gvern tal-President ġdid tal-Istati Uniti, Joe Biden.

Fl-istess ħin, Maduro sejjaħ biex ‘il-pajjiżi jaqbdu direzzjoni ġdida’ wara snin ta’ tensjoni bejn il-Gvern ta’ Caracas u l-amministrazzjoni tal-eks President Amerikan Donald Trump.

Maduro – għal dawn l-aħħar snin wieħed mill-akbar avversarji ta’ Washington – issa qed iħeġġeġ biex il-pajjiżi ‘jifhmu aktar lil xulxin’ waqt li jibnu l-kuntatti ‘ibbażati fuq ir-rispett reċipriku, id-djalogu u l-komunikazzjoni’.

Il-President – politiku tax-xellug – qal dan waqt diskors lis-sostenituri tiegħu fejn sostna li l-Veneżwela għandha ‘rieda ġenwina għal futur ġdid’ mal-Istati Uniti.