Lokali

“Irridu nkunu mħejjija għall-Elezzjoni Ġenerali biex inkunu gvern serju alternattiv”

Il-Partit Nazzjonalista issa daħal f’fażi kruċjali ta’ din il-leġiżlatura fejn irid jassigura li jkollu kollox imħejji biex meta l-Prim Ministru jsejjaħ l-Elezzjoni Ġenerali, ikollu kollox organizzat u f’postu għal din it-tellieqa.

“Il-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jaħdem u jibni lilu nnifsu biex jakkwista l-fiduċja tan-nies u dan jista’ jagħmlu b’ħidma impenjattiva u billi jkun tassew viċin in-nies biex hekk inkunu tassew gvern alternattiv.”

Robert Arrigo, il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit, f’kummenti lil il-mument fisser li dan it-tibdil fil-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista jrid jitqies bħala l-parti mill-eżerċizzju ta’ tiġdid li għaddej minnu l-Partit bħalissa biex tassew ikun imħejji għall-Elezzjoni Ġenerali.

Il-ħidma fi ħdan il-Partit Nazzjonalista hi waħda qawwija u dak li qed isir ikompli jibni mal-ħafna li diġà nbena matul din il-leġiżlatura mill-Grupp Parlamentari kollu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

Hu importanti, kompla Robert Arrigo, li d-Deputati kollha tal-Partit Nazzjonalista jkunu viċin in-nies biex jisimgħu mingħandhom dak li għandhom xi jgħidu, il-weġgħat tagħhom u l-aspirazzjonijiet tagħhom għall-futur.

Hu stat ta’ fatt li pajjiżna fl-aħħar xhur inbidel ħafna b’riżultat tal-pandemija li qalbet l-affarijiet ta’ taħt fuq f’diversi setturi. Hu stat ta’ fatt li ħafna familji għandhom problemi ġodda b’riżultat tan-nuqqas ta’ dħul tagħhom; problemi ġodda minħabba li l-edukazzjoni ħadet daqqa ta’ ħarta; problemi serji fid-diversi aspetti tagħhom. Dwar dan kollu l-Grupp Parlamentari jrid ikun viċin tan-nies biex jisma’ mingħand in-nies u jitgħallem dejjem aktar dwar ir-realtajiet differenti tal-ħajja li qed ngħixu.

Meta ġejja l-Elezzjoni Ġenerali ma nistax ngħid. Il-Prim Ministru għandu sa Ġunju tas-sena d-dieħla kollu tiegħu biex isejjaħ l-Elezzjoni Ġenerali. Iżda fattur importanti hu li aħna bħala l-Partit Nazzjonalista rridu li jkollna kollox f’postu biex darba l-Prim Ministru jsejjaħ l-Elezzjoni Ġenerali, aħna kemm nixegħlu l-magna biex nibdew it-tellieqa tagħna wkoll, qal Robert Arrigo.

Hu qal li s-sehem ta’ kull Deputat hu importanti ħafna u dan is-sehem irid jingħata mhux biss billi dak li jkun ikun aġġornat skont il-portafoll li għandu, iżda anki billi jagħmel proposti fi ħdan il-Partit li jkunu diskussi ħalli hekk il-Partit Nazzjonalista jkollu aġġornament kontinwu tal-politika u l-policies tiegħu.

Is-sehem ta’ kulħadd hu importanti u l-Partit irid ikun il-post fejn kulħadd iħossu komdu fiha; id-dar fejn kulħadd ifittex li jmur. Ilkoll għandna nissoktaw naħdmu bla heda fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Kulħadd skont ir-rwol li għandu. Kulħadd skont it-talenti u l-kapaċitajiet li għandu.

Għaliex, kompla Robert Arrigo, kulħadd hu importanti u l-Partit Nazzjonalista jrid ikun biss tiżwieqa ta’ ħsibijiet u ideat li flimkien iwasslu politika serja u qawwija favur kwalità ta’ ħajja u għajxien għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.