Lokali

“It-tiġdid fil-PN se jwassal biex nagħmlu politika mhux tal-passat imma tal-futur” – Bernard Grech

“Għalina li tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika jfisser fil-prattika li ta’ kuljum għandna nirrispettaw u niddefendu d-dinjità u d-drittijiet ta’ kull individwu, mingħajr l-ebda eċċezzjoni.  Din hi l-politika tal-Partit Nazzjonalista

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jindirizza attività politika bit-tema ‘Paġna Ġdida għal Pajjiżna’ fil-lokalità Għawdxija tan-Nadur – fil-ġimgħa meta aġġorna x-Shadow Cabinet biex tissokta l-ħidma kontinwa ta’ tisħiħ fl-istrutturi tal-Partit għal politika li tissarraf f’ġid għall-poplu Malti u Għawdxi.

Hu saħaq li l-wegħda li għamel għal studju soċjo-ekonomiku f’Għawdex żamm magħha u qed isir ħafna xogħol bl-għan li dan ir-rapport juri verament x’għandha bżonn din il-gżira, kemm fuq bażi ta’ xogħol, kif ukoll b’rabta mas-saħħa, l-ippjanar ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli.

Ritratt: Joseph Galea

Bernard Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista jemmen f’mudell għal Għawdex, mhux biss fit-turiżmu, iżda li jwelled swieq ġodda fejn ikun hemm xogħol għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema.

Sostna li taħt Gvern Laburista, il-konnettività bejn Malta u Għawdex ħadet daqqa lura anke f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasport ta’ merkanzija bejn iż-żewġ gżejjer. Dan hekk kif dħlana fil-ħames sena minn meta twaqqaf il-vapur li mill-Belt kien imur mgħobbi bil-merkanzija lejn Għawdex … mingħajr alternattiva denja.

Bernard Grech saħaq li wara l-ħidma sfieqa tad-Deputati Nazzjonalisti Chris Said, Kevin Cutajar u l-mibki Frederick Azzopardi – twaqqaf il-Kumitat Parlamentari għal Għawdex għax l-Għawdxin huma verament għal qalb il-Partit Nazzjonalista.

Dan, kompla Bernard Grech, bid-differenza tal-Partit Laburista li wara li ħatar lil Justyne Caruana bħala Ministru, ma ħatarx Chairman tal-Kumitat minflokha biex dan iwaqqfu baxx baxx.

Ritratt: Joseph Galea

Intant, filwaqt li faħħar il-ħidma tal-impjegati tax-Xandir Nazzjonali, minkejja l-pressjoni kontinwa li jkollhom, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin ħaqqhom Xandir tal-Istat ħieles u mhux maħtuf bħas-snin l-imgħoddija taħt tmexxija Laburista.

Bernard Grech saħaq li d-Deputati u l-Kandidati Nazzjonalisti għandhom rieda waħda … ħidma bla waqfien għal paġna ġdida biex verament jagħmlu differenza f’ħajjet il-Maltin u l-Għawdxin. Dan filwaqt li insista li jrid li l-Partit immexxi minnu jkun tarka għad-drittijiet umani kollha.

Filwaqt li ħeġġeġ lill-pubbliku biex iqawwi qalbu, hu wiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista jwettaq proposti ta’ fejda għax “fejn hemm ir-rieda u l-passjoni, dak ma jista’ jwaqqfu ħadd”.

Qabel l-attività fil-Pjazza tan-Nadur, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ddedika ħin biex jitkellem ma’ numru ta’ residenti u sidien ta’ ħwienet li joperaw f’dan ir-raħal –fejn Bernard Grech kellu l-opportunità jisma direttament minn għandhom l-aktar suġġetti li qed jolqtuhom bħalissa u kif il-Partit Nazzjonalista jista’ jkun il-Gvern alternattiv.

Ritratt: Joseph Galea