Lokali

It-Tobba u l-Infermieri skartati mill-Gvern

Il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li t-Tobba u l-Infermieri qed jiġu skartati mill-Gvern fil-ftehim il-ġdid li qed jaħdem fuqu ma’ Steward dwar l-Isptarijiet Pubbliċi u li għaddejin minn wara dahar kulħadd.

Meta mistoqsi minn NET News jekk il-MAM u l-MUMN hux involuti fil-proċess ta’ diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa mal-kumpanija barranija, Abela rrisponda li ma kienx qed jirreferi għalihom. Umbagħad, meta mistoqsi jiċċara kliemu, Abela ħarab lejn il-karozza, bl-Uffiċjali ta’ Kastilja jimblukkawna u jgħidulna li diġà weġibna.

Dan wara li fix-xhur li għaddew, kemm il-MAM kif ukoll l-MUMN ikkritikaw il-ftehim bejn il-Gvern u Steward Healthcare, li saħansitra kien ikkundannat anke mill-Awditur Ġenerali. Filwaqt li l-MAM qalet kemm-il darba li l-ftehim falla u li l-Gvern kellu jwaqqaf immedjatament it-tberbiq tal-fondi pubbliċi, l-MUMN, f’diversi ċirkostanzi, sejħet direttivi lill-membri tagħha għall-mod kif kienu qed jiġu trattati l-Infermieri.

Madankollu, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jagħżel li jkun arroganti anke mal-professjonisti mediċi, bil-konferma tiegħu li ma jagħtix kas il-karbiet tagħhom fi ftehim li qed isir mill-ġdid. Ftehim li qed jieħu post dak li d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne kien sejjaħlu “the real deal” ma’ ta’ Steward.