Lokali

“L-għażliet ta’ Bernard Grech fix-Shadow Cabinet jiżguraw li nkunu lesti għall-Elezzjoni Ġenerali”

Il-Partit Nazzjonalista, bil-bidliet li qed isiru, qed juri bil-fatti li hu miftuħ għad-djalogu u li hu lest għat-tfassil tal-politika sa mill-għeruq tas-soċjetà tagħna

“Dħalna f’fażi ġdida ta’ din il-leġiżlatura u kienet deċiżjoni importanti tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li għamel aġġornamenti fil-Kelliema tal-Partit biex hekk niżguraw li nkunu lesti għall-Elezzjoni Ġenerali.

“Kull Deputat Nazzjonalista għandu jżomm kuntatt dirett u kontinwu mas-setturi kollha li jaqgħu taħt il-portafoll tiegħu biex hekk mhux biss ikun aġġornat ma’ dak li jkun qed jiġri, iżda jkun jaf x’qed iħoss il-poplu u jkun jista’ jitkellem b’ton aktar infurmat u ffukat.”

Karol Aquilina, is-Segretarju tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, f’kummenti lil il-mument fisser li attwalment “dħalna f’fażi ġdida ta’ din il-leġiżlatura u l-Partit beda jħejji lilu nnifsu għall-Elezzjoni Ġenerali… tiġi meta tiġi.”

Hu qal li dan ma jfissirx li wieħed jabbanduna x-xogħol ta’ kuljum li d-Depuati jkunu qed jagħmlu. Anzi hu ż-żmien li wieħed jikkonferma dak ix-xogħol u jibda jfassal ukoll x’se jkun qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista fil-Programm Elettorali tiegħu għall-Elezzjoni Ġenerali.

Għalhekk hi sinfikattiva l-ħatra ta’ Claudio Grech bħala d-Deputat responsabbli mit-trasformazzjoni u l-innovazzjoni tal-politika tal-Partit Nazzjonalista, it-tfassil tal-viżjoni soċjo-ekonomika, l-implimentazzjoni tal-policy clusters u t-tfassil tal-Programm Elettorali.

Karol Aquilina kompla li fl-allokazzjoni tad-Dekasteri l-Kap tal-Partit ħa inkonsiderazzjoni wkoll l-esperjenzi tad-Deputati u “ra kif nistgħu ntejbu l-ħidma tagħna għas-snin li ġejjin biex il-Partit Nazzjonalista jkun tassew fil-pożizzjoni li jkun għal-lest, tissejjaħ meta tissejjaħ l-Elezzjoni Ġenerali.”

Hu qal li d-Deputati mhux se jieqfu biss fuq il-ħidma politika tagħhom personali, iżda se jinvolvu ruħhom ukoll fil-ħidma tal-clusters li se jinvolvu kemm lill-istess kandidati tal-Partit Nazjonalista li għandhom sehem importanti x’jagħtu fit-tfassil tal-politika tal-Partit Nazzjonalista.”

Il-Partit Nazzjonalista, bil-bidliet li qed isiru, qed juri bil-fatti li hu miftuħ għad-djalogu u li hu lest għat-tfassil tal-politika sa mill-għeruq tas-soċjetà tagħna.

“Dan ifisser li l-Partit Nazzjonalista jrid li jmur quddiem l-elettorat bi Programm Elettorali ċar li jkun jinkludi u jindirizza mhux biss dak li l-poplu Malti u Għawdxi għandu tassew bżonn, iżda wkoll punti li jkopru lid-diversi oqsma tas-soċjetà tagħna.”

Is-Segretarju tal-Grupp Parlamentari kompla: “L-akbar sfida li għandna quddiemna hi dik li nibqgħu għassiesa ta’ dak li qed jagħmel il-Gvern. Li nikkritikaw fejn hemm bżonn, imma li nuru t-triq alternattiva tal-politika tal-Gvern f’diversi oqsma.

“Jiġifieri li kull Deputat mhux sempliċiment joġġezzjona u jieqaf hemm iżda li jkollu alternattivi għall-proprosti li jkun qed jagħmel il-Gvern.”

Karol Aquilina fisser li dan jista’ jsir biss jekk kull Deputat jiddjaloga u jżomm kuntatt dirett u jkun viċin tas-setturi li hu jirrappreżenta u li jkunu jaqgħu taħt il-portafoll tiegħu.

Hu ħeġġeġ lid-Deputati kollha biex iżomm kuntatt man-nies anki jekk attwalment ilkoll qed ngħixu u ngħaddu minn żminijiet diffiċli minħabba l-pandemija.

Mistoqsi dwar il-laqgħat tal-Grupp Parlamentari, Karol Aquilina qal li l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista qed jiltaqa’ b’mod regolari ħafna. “Niltaqgħu darba kull ġimagħtejn b’aġenda mħejjija minn qabel bis-sehem tad-Deputati. “Ikolli ngħid li l-parteċipazzjoni tad-Deputati hi attiva ħafna u bejnietna nitkellmu b’ton tajjeb ħafna u ‘l bogħod minn kull ton ta’ xi konfrontazzjoni. Nista’ ngħidlek ukoll li fil-laqgħat tagħna ma hemmx limitu ta’ ħin u nibqgħu għaddejjin sakemm neżawrixxu l-argumenti kollha.”

Hu kompla li meta wieħed jitkellem dwar dan l-aġġornament fil-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista, tajjeb li jieħu inkonsiderazzjoni l-fatt li minn Frar/Marzu ‘l hawn ix-xenarju tas-Saħħa u x-xenarju Ekonomiku fil-pajjiż inbidel qatigħ u għalhekk illum trid tindirizza dawn l-iżviluppi l-ġodda. Hu tajjeb li l-Partit ikun dejjem għal-lest skont il-prijoritajiet li jkunu qed jinbidlu madwarna.

Hu importanti li l-Partit ikollu l-aħjar nies li jkunu qed jitkellmu b’vuċijiet ta’ kredibbiltà dwar dak kollu li jkun għaddej minnu l-pajjiż u anki dwar il-ħtiġiet tal-poplu Malti u Għawdxi.