Futbol Sport

Manchester United javvanzaw għall-ispejjeż ta’ Liverpool

(Ritratt: EPA)

Freekick brillanti ta’ Bruno Fernandes, li daħal jilgħab bħala sostitut f’nofs it-tieni taqsima, issiġġilla l-kwalifikazzjoni ta’ Manchester United għall-ħames rawnd tal-kompetizzjoni għall-ispejjeż tar-rivali eterni Liverpool. B’hekk komplew jiżdiedu l-problemi għall-Merseysiders wara sensiela ta’ disfatti fil-kampjonat tal-Premier League, bit-tim ta’ Jurgen Klopp qed isofri minn kriżi ta’ riżultati ċara.

Il-logħba f’Old Trafford żvolġiet f’konfront – cup-tie – mill-aktar eċċitanti biż-żewġ tims joħorġu jfittxu l-gowls waqt li ma naqsux l-azzjonijiet fuq iż-żewġ lasti, kuntrarju għal-logħba tal-league ta’ ġimgħa ilu, f’Anfield, bejn dawn iż-żewġ ġganti tal-futbol Ingliż li spiċċat 0-0.

Man Utd fetħu tajjeb b’Mason Greenwood jaħli żewġ okkażjonijiet tajbin quddiem il-gowlkiper Allison, b’Liverpool imorru fil-vantaġġ fl-ewwel attakk serju fuq il-lasta ta’ Henderson meta Mo SALAH (18) spiċċa waħdu quddiem il-gowlkiper ta’ United biex sab ir-rokna tax-xibka b’’chip’ perfett.

Ir-Red Devils kisbu parità tmien minuti wara meta Rashford sab lil GREENWOOD bi kross preċiż, bl-attakkant żgħażugħ ta’ United din id-darba ma jiżbaljax quddiem Allison. United marru fil-vantaġġ kmieni fit-tieni taqsima b’RASHFORD (48) javvanza waħdu u jegħleb mill-ġdid lil Allison b’xutt fil-baxx — iżda Liverpool għamlu l-iskor 2-2 mas-siegħa logħob meta Salah mill-ġdid isib ix-xibka mill-viċin.

Wara l-gowl Liverpool bdew jieħdu kmand tal-logħba, iżda fit-78 minuta wasal il-mument ta’ FERNANDES li daħal jilgħab flok Van de Beek u li skorja l-gowl deċiżiv mill-freekick li ngħata għall-fawl ta’ Fabinho fuq Cavani f’tarf il-kaxxa.

Chelsea għaddew għall-ħames rawnd tal-FA Cup għall-ispejjeż ta’ Luton Town u meta issa jridu jiltaqgħu ma’ Barnsley, tim ieħor minn The Championship. L-attakkant Tammy Abraham kien l-eroj indiskutibbli għall-Blues fejn skorja hat-trick, biex b’hekk neħħa ftit mill-pressjoni fuq il-manager tiegħu Frank Lampard wara l-aħħar riżultati deludenti fil-kampjonat.

L-ewwel gowl ta’ Chelsea wasal wara 11-il minuta meta Abraham xeħet ġewwa fuq il-pass ta’ Timo Werner, bl-istess plejer, sitt minuti wara, jagħmilhom tnejn fuq l-assist ta’ Reece James.
Il-Hatters naqqsu d-distakk minn Jordan Clark man-nofs-siegħa, iżda kwarta mit-tmiem, Abraham għalaq kull diskors bit-tielet gowl għal Chelsea.

Ir-rebħa tal-Blues setgħet kienet akbar li kieku Werner ma tilifx penalty wara li spiċċa fawljat minn Clark fil-kaxxa.

Leicester City kienu maħsuda minn gowl kmieni fil-konfront ma’ Brentford iżda rkupraw tajjeb biex huma wkoll jgħaddu għar-rawnd li jmiss b’rebħa 3-1 fil-Brentford Community Stadium. It-tim ta’ The Championship ma setax kellu bidu aħjar meta Bech SORENSEN wara sitt minuti sab ir-rokna tax-xibka minn azzjoni ta’ korner, bil-Bees igawdu dan il-vantaġġ sal-mistrieħ.

Fit-tieni taqsima, il-folja nqalbet b’Leicester isibu x-xibka tliet darbiet – bil-gowl tad-dro jiskurjah Cengiz UNDER waqt li l-gowls l-oħra waslu minn penalty ta’ Youri TIELEMANS u James MADDISON.

Burnley kisbu rebħa kbira barra minn darhom għand Fulham 3-0 biex huma wkoll ibbukkjaw post fil-ħames rawnd ta’ din il-kompetizzjoni.
Dan il-konfront – ‘all-Premier clash’ ieħor – kien mistenni jkun aktar kumbattut iżda Burnley kienu aħjar mill-avversarji għal ħafna ħinijiet u qatt ma ħarsu lura wara li Jay RODRIGUEZ poġġihom fl-vantaġġ man-nofs-siegħa. Fit-tieni taqsima, Fulham ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda kienu Burnley li rduppjaw meta Matej Vydra twaqqa fil-kaxxa u Rodriguez ma żbaljax mill-ħdax-il metru għat-2-0. It-tielet gowl tal-Clarets wasal mid-difensur Kevin LONG li kkonkluda mill-viċin fuq suġġeriment ta’ Rodriguez.

FA CUP
Il-Ġimgħa: Chorley v Wolves 0-1 Ilbieraħ: Southampton v Arsenal 1-0, Barnsley v Norwich 1-0, Brighton v Blackpool 2-1, Milwall v Bristol 0-3, Sheff. Utd v Plymouth 2-1, Swansea v Nott. Forest 5-1, West Ham v Doncaster 4-0, Cheltenham v Man City 1-2 Illum: Chelsea v Luton 1.00pm, Brentford v Leicester 3.30pm, Fulham v Burnley 3.30pm, Man Utd v Liverpool 6.00pm, Everton v Sheff. Wed. 3-0 Għada: Wycombe v Tottenham 8.45pm It-Tlieta: B’mouth v Crawley 9.00pm