Futbol Sport

Pembroke momentarjament fl-ewwel post

Chris Cassar


PEMBROKE A………………1
MARSAXLOKK ……………0

Pembroke A: P. Schranz, A. Marshall, K. Farrugia, D. Sant, K. Frendo, J.P. Oliveira Santos, N. Frendo, A. Abdul, C. Zammit, J. Bajada, P.P. Sammut.
Marsaxlokk: F. Tabone, C. Degabriele, J.P. Morales, N. Ghio, P. Doffo, J. Spiteri, B. Sciberras, C. Brincat, P. Xuereb, R. Winchester, R. Fenech.
Referee: Andrea Sciriha

Pembroke qabżu fl-ewwel post tal-klassifika anki jekk lagħbu logħba iktar minn Marsa, meta għelbu b’diffikulta lil Marsaxlokk, grazzi għal gowl spettakolari ta’ Neil Frendo 12-il minuta mit-tmiem.
Il-gowl kien bla dubju l-isbaħ ħaġa ta’ logħba ferm tattika fejn ix-Xlukkajri ddefendew tajjeb u bi ftit fortuna setgħu anki kisbu punt minn dan il-konfront.

L-ewwel taqsima kienet ferm bilanċjata bit-tim ta’ Marsaxlokk jagħti sfida denja lil Pembroke. Dawn tal-aħħar sabuha bi tqila biex joħolqu azzjonijiet perikolużi u l-iktar li resqu qrib kien fit-28 minuta meta xutt ta’ Abdul minn pożizzjoni angolata ħabat ma’ sieq il-lasta.
Kien fl-aħħar minuti li Pembroke bdew iżidu l-pressjoni fuq l-avversarji iżda x-Xlukkajri ddefendew tajjeb u Pembroke tista’ tgħid li ma kellhomx azzjonijiet ta’ skor.

Fit-tieni taqsima l-andament tal-logħba ma nbidilx bit-tim ta’ Pembroke ikollu iktar mil-logħob iżda ftit azzjonijiet ta’ skor. Tnax-il minuta mit-tmiem Pembroke fetħu l-iskor b’mod spettakolari meta minn kross mil-lemin il-ballun wasal għand Neil Frendo li b’semi rovexxata spettakolari xeħet il-ballun fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.

Reazzjoni minn Marsaxlokk ma kienx hemm u Pembroke baqgħu jippressaw fuq l-attakk. Ħames minuti mit-tmiem daqqa ta’ ħarta għal Marsaxlokk meta l-captain Clive Brincat intwera karta ħamra diretta.

ŻEBBUĠ R. ………………..3
FGURA U. ………………….0

Żebbuġ R: M. Grech, S. Bugeja, J. Micallef, A. Mizzi, L. Mijic, J. Silveira, R. Vella, S. Gauci, C. Vella, S. Miloskovic, K. Tanti
Fgura U: B. Bartolo, J. Stenson, J. Barbara, S. Abela, J.P. Attard, G. Martin, S. Nanapere, J. Vella, J. Cassar, N. Ojuola, D. Quintero.
Referee: Stefan Pace

Bi tliet daqqiet ta’ ras Żebbuġ Rangers kisbu rebħa prezzjuża fuq Fgura United f’konfront dirett minn naħa t’isfel tal-klassifika. Ir-rebħa kif jindika l-iskor kienet waħda meritata bit-tim ta’ Fgura li qishu qatt ma daħal fil-logħba.

Żebbuġ kellhom bidu ferm tajjeb u wara tmien minuti logħob marru fil-vantaġġ meta minn azzjoni ta’ freekick il-ballun ma kienx imtajjar mid-difiża ta’ Fgura u fuq it-tieni lasta kompletament żmarkat kien hemm John Micallef li bir-ras kompla għal ġewwa.

Ma kienx hemm wisq reazzjoni minn naħa ta’ Fgura, bl-unika tentattiv ikun minn Saturday Nanapere li b’xutt fil-baxx impenja lil Grech. Żebbuġ kellhom xi tentattivi oħra l-iktar permezz ta’ Silveira li kien fost l-iktar attivi fl-attakk ta’ Żebbuġ.

Żebbuġ resqu wkoll qrib lejn tmiem it-taqsima b’tentattiv ta’ Kyle Tanti jgħaddi jħakkek mal-mimduda. Fit-tieni taqsima r-reazzjoni ta’ fgura baqgħet konfuża u kienu iktar Żebbuġ, li issa bir-riħ warajhom komplew jagħfsu biex jagħlqu l-logħba u rnexxielhom jagħmlu dan b’żewġ gowls fi spazju ta’ sittin sekonda.

Fis-70 minuta minn azzjoni ta’ korner kien Ayrton Mizzi li antiċipa lil kulħadd u bir-ras xeħet fix-xibka u appena minuta wara kross ta’ Vella mil-lemin u daqqa ta’ ras ta’ Luka Mijic li mill-viċin għeleb lil Moore biex għalaq definitivament il-logħba.

BOV CHALLENGE LEAGUE
Ilbieraħ:
Swieqi U. v Naxxar L. 0-2, Marsa v St. George’s posp. Illum: Pembroke A. v M’xlokk 1-0, Żebbuġ R. v Fgura U. 3-0, Qormi v Pietà H. 0-2, St. Andrews v Qrendi 0-1, San Ġwann v Vittoriosa S. 4-1