Futbol Sport

Sasere jsalva punt għall-Ispartans fl-aħħar sekondi tal-partita

(Ritratt: Joe Borg/MFA)

Luke Micallef

ĦAMRUN SPARTANS…………………. 2

STA LUCIA…………………. 2

Ħamrun: E. Bartolo, D. Gojkovic, M. Guillaumier, J. Mbong, A. Soares, F. Sasere, I. Adeshina (A. Cittadini 52’), E. Serrano Valero, J. C. Corbalan, L. Soufiane (K. Micallef 28’), E. Marcelina

Sta Lucia: C. Farrugia, R. Prates, C. Uzeh Edafe, K. Correia, A. Magri Overend, A. Da Silva Souza (K. Xuereb 81’), K. Ante Rosero, V. Filho, M. Camilleri (T. Tabone Desira 70’), J. Zerafa, A. Caseres

Imwissija: E. Marcelina 32’ (Ħ), D. Gojkovic 36’ (Ħ), A. Caseres 80’ (S), E. Bartolo 82’ (Ħ)

Tkeċċija: E. Marcelina 90’ (Ħ)

Skorjaw: Kevin Ante Rosero 45’, 59’ (S), A. Soares 76’ (Ħ), F. Sasere 90+4’ (Ħ)

Referee: Emanuel Grech

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, Duncan Spencer

BOV Plejer tal-logħba: Kevin Ante Rosero (Sta Lucia)

F’partita movimentata u b’azzjonijiet perikolużi fuq kull naħa, it-tim Ħamruniż salva punt erba’ minuti fil-ħin mogħti żejjed b’gowl sabiħ ta’ Franklin Sasere.

L-ewwel battuti tal-logħba raw lil Santa Lucia fuq l-offensiva. Fil-fatt fl-ewwel azzjoni denja ta’ nota li waslet fit-tielet minuta, Santa Lucia kellhom ċans tajjeb li jiftħu l-iskor. Kien Kevin Ante Rosero li għadda l-ballun lejn Alan Da Silva Souza li b’xutt b’saħħtu ċentrali sab lil Emanuel Bartolo attent u tajjar il-periklu. Fis-26 minuta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Ailton Jorge Soares stampa mal-mimduda. Fl-34 minuta, Franklin Sasere għola wara li rċieva minn kross, iżda d-daqqa ta’ ras mill-viċin tkun direttament ġol-gowler ta’ Sta Lucia. Tliet minuti minn tmiem l-ewwel 45 minuta l-istess Sasere ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tgħaddi għoli. Fl-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima t-tim minn Santa Luċija fetaħ l-iskor. Da Silva Souza għadda l-ballun lejn KEVIN ANTE ROSERO li minn ġol-kaxxa b’xutt angolati tefa’ wara Emmanuel Bartolo. Fl-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima, mas-siegħa logħob, it-tim ta’ Sta Lucia rdoppjaw. Minn kontrattakk, il-ballun spiċċa f’saqajn KEVIN ANTE ROSERO li avvanza bil-ballun bix-xutt tiegħu spiċċa wara Bartolo għat-tieni darba. Fis-76 minuta l-Ispartans naqqsu d-distakk u reġgħu daħlu fil-logħba. Xutt minn barra l-kaxxa ta’ AILTON JORGE SOARES spiċċa wara Christopher Farrugia. Fl-84 minuta Sasere ra x-xutt tiegħu jispiċċa barra. Tliet minuti wara minn korner dirett, Ante Rosero laqat il-mimduda. Fid-90 minuta, Emerson Marcelina tkeċċa wara li qala’ t-tieni karta safra. Erba’ minuti fil-ħin mogħti żejjed, wara li rċieva kross mingħand Soares, FRANKLIN SASERE tefa’ wara Farrugia u salva punt għall-Ispartans.