Coronavirus Ekonomija Lokali

“Se naħarbu niġru” – Robert Abela

Aktar messaġġi konflinġenti mill-Prim Ministru

Robert Abela u l-Gvern tiegħu nsew lill-edukaturi fit-tajjeb, iżda ma nesiex jattakkahom dwar il-qadi ta’ dmirijiethom. Dan f’mossa deskritta minn ħafna bħala waħda arroganti minn Prim Ministru li qed jara lil kulħadd dubbien.

Waqt attività politika f’Ħal Tarxien, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista wera kif il-Gvern tiegħu nesa jinkludi lill-edukaturi fil-lista tas-setturi l-aktar importanti fis-soċjetà li jmisshom jieħdu t-tilqima kontra l-Covid-19 fi Frar u f’Marzu.

U dan minkejja li ftit tal-ġimgħat ilu kien qal li ntlaħaq ftehim li l-għalliema jingħataw prijorità fl-għoti tat-tilqima.

Abela pprova jdawwar il-fatti billi attakka lill-Partit Nazzjonalista meta l-MUT u l-UPE appellaw għall-kawtela fil-ftuħ tal-iskejjel. Pożizzjoni li kien esprimiha wkoll il-Konsulent Mediku Kenneth Grech, li spiċċa qala’ transfer vendikattiv mir-rwol li kellu bħala Kordinatur fil-qasam tas-Saħħa Pubblika ghar-rispons lejn il-Covid-19.

F’attakk dirett lejn l-edukaturi, Abela qal li min dak iż-żmien ried jistrajkja ried biss kaos fil-pajjiż, li l-ġenituri tat-tfal ma jmorrux għax-xogħol u li l-industrija tispiċċa f’diffikultà.

Sadanittant, il-Prim Ministru qabbel it-tmexxija tiegħu ma’ dak li għaddej f’pajjiżi oħrajn. Semma’ pereżempju t-trasparenza, minkejja li l-awtoritajiet mhux jagħtu l-informazzjoni kollha dwar kif qed ikun trażmess il-virus jew meta l-vittmi kienu ġew infettati.

Fl-istess waqt, Abela kompla jwassal messaġġi konflinġenti b’rabta mat-tixrid tal-Covid-19 f’pajjiżna u dwar l-irkupru ekonomiku li tant hu meħtieġ. Dan meta, filwaqt li qal li “fadal ġimgħat ta’ sagrifiċċju”, stqarr li dalwaqt “naħarbu niġru ‘l quddiem”.

Waqt l-attività politika tal-Ħadd, spikkat il-qasma li qed tkompli taħkem lill-Partit Laburista. Fost l-oħrajn, bid-Deputat Laburista Silvio Parnis jagħżel li jibbojkotja l-preżenza tal-Mexxej Laburista. Lanqas esponenti oħrajn bħal Etienne Grech ma kienu preżenti, b’Abela tant iħossu dahru mal-ħajt li spiċċa jappella għall-għaqda fil-Partit u fil-Grupp Parlamentari Laburista.