Lokali

“Tiġdid importanti li bih inkomplu nibnu fuq it-tajjeb ta’ dan il-Grupp Parlamentari”

“It-tibdil imħabbar f’nofs din il-ġimgħa għar-rigward tal-Kelliema fil-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista hu importanti u għandu jkompli jkun aktar bini fuq it-tajjeb li wettaq dan l-istess Grupp Parlamentari tul din il-leġiżlatura.”

David Agius, il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament, f’kummenti lil il-mument fisser li rridu nkomplu nibnu fuq it-tajjeb li dan il-Grupp Parlamentari kien qiegħed jagħmel matul din il-leġiżlatura u nkomplu ntejbu setturi oħrajn ġodda.

Dan iwassal biex kull Kelliem tal-Partit Nazzjonalista jiltaqa’ mad-diversi entitajiet u persuni li jaqgħu taħt il-portafoll tiegħu biex flimkien magħhom jibni l-politika tal-Partit għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.

David Agius kompla li l-Grupp Parlamentari wara li jkun iddiskuta internament il-politika f’settur partikulari, iwassal din il-politika quddiem l-Eżekuttiv tal-Partit biex inkunu nistgħu nispjegaw lill-poplu Malti u Għawdxi lejn fejn irridu nieħdu lil pajjiżna għall-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Il-Grupp Parlamentari flimkien mal-kandidati u l-esperti jrid ikompli jżomm kuntatt kontinwu man-nies u jibni l-politika tiegħu min-nies għan-nies.

Biex inkun aktar speċifiku bħalissa jien qed nitkellem ma’ għaqdiet, fergħat u individwi biex nisma’ mingħandhom il-ħsibijiet tagħhom għall-futur ta’ pensjonijiet sostenibbli f’pajjiżna.

David Agius fisser li b’laqgħat spiss u kontinwi l-Grupp Parlamentari mhux biss qed jiddiskuti u jfassal il-ħidma Parlamentari tiegħu b’pożizzjonijiet ċari għal liġijiet li jkunu qed jitfasslu, u wkoll għall-Kumitati li jkunu qed jiltaqgħu fil-Parlament, iżda qed ikun protagonist billi jieħu l-inizjattivi li jkun hemm bżonn u joffri alternattiva soda għall-politika tal-Partit Laburista fil-Gvern.

David Agius kompla li ċertament li t-twaqqif ta’ clusters fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u l-ħatra ta’ Presidenti fi ħdan il-Partit hekk kif kienu approvati fl-aħħar approvazzjoni tal-Istatut tal-Partit, hu xhieda tal-ħidma koordinata u professjonali li qed jaħdem biha l-Partit Nazzjonalista.

Dan hu sinjal ċar fejn kulħadd jista’ jagħti s-sehem tiegħu fl-oqsma li jolqtu lilu. L-esperjenza u l-enerġija ġdida huma l-għaġna għal politika ġdida tal-Partit Nazzjonalista.

Fl-aħħar ġimgħat il-Partit Nazzjonalista ġġedded ukoll permezz tal-fergħat u l-kumitati tiegħu. Dawn, flimkien mal-Grupp Parlamentari u mal-kandidati l-ġodda, iridu jkomplu jkunu s-swaba’ tal-Partit biex il-viżjoni u l-politika tagħna tkun mibnija fuq il-kuntatt u l-esperjenzi kontinwi man-nies. Kuntatt kontinwu ma’ kull faxxa tas-soċjetà.

Dan hu l-Partit Nazzjonalista li bil-politika tiegħu jrid ikompli joffri futur aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin, temm David Agius.