Futbol Sport

Żewġ Presidenti mill-Kampjonat Premier, fost il-mistiedna f’Replay tal-lejla

Ritratt ta' Carl Farrugia

Il-Kampjonat Premier f’Malta qed jitkompla matul din it-tmiem il-ġimgħa bis-17-il ġurnata, hekk kif issa dħalna fit-tieni rawnd ta’ partiti ta’ Kampjonat li dan l-istaġun qed jirriżulta f’wieħed missielet u interessanti. Għal darb’oħra, illejla l-Ħadd, il-programmi tant popolari dwar il-futbol lokali fuq Net Television, ‘Replay Live Score’ u l-programm ta’ diskussjoni, ‘Replay’, jerġgħu jkunu magħna bil-gowls kollha skorjati, kif ukoll bl-informazzjoni u d-diskussjoni kollha relevanti marbut ma’ dak kollu li seħħ u li se jkun qed iseħħ matul din it-tmiem il-ġimgħa fil-futbol Malti, partikolarment fl-ogħla diviżjonI tal-Kampjonat organiżżat mill-MFA.

‘Replay Live Score’, fit-8:30pm, bil-gowls kollha minn Malta, Għawdex u Kampjonati internazzjonali

L-ewwel appuntament tad-dilettanti tal-futbol lokali ma’ Replay illejla, ikun fit-8:30pm fejn fl-ewwel nofs siegħa tal-programm, b’stil mexxej, konċiż u meqjus, wieħed ikun jista’ jara s-servizzi tal-partiti kollha tal-Kampjonat Premier, b’aċċenn għall-logħba li tkun għadha kemm intemmet ftit tal-ħin qabel, dik bejn il-leaders tal-Kampjonat, Ħamrun Spartans u Santa Lucia. Fl-istess programm ta’ qabel ma tibda d-diskussjoni dwar il-futbol lokali, wieħed ikollu ċ-ċans jara ukoll il-gowls kollha li kelna mis-17-il ġurnata tal-National Challenge League, inkluż il-partita li tkun għadha kemm intemmet u li hija fost l-aktar interessanti li għadna għall-lum il-Ħadd, dik bejn San Ġwann u Vittoriosa Stars. Fl-istess waqt inkunu qed nagħtu aġġornamenti minn partita oħra fl-istess Kampjonat, dik bejn Qormi u Pietá Hotspurs.

F’’Replay Live Score’ tal-lejla se nkunu qed naraw ukoll uħud mill-gowls mill-National Amateur League kif ukoll dak li se jkun seħħ bejn il-bieraħ u llum mill-futbol f’Għawdex. Ma tonqos li jkun hemm attenzjoni ukoll għax-xena internazzjonali, partikolarment lejn konfront ieħor klassiku fl-Ingilterra, li se jkun qed jintlagħab illejla fis-6pm, dak bejn Manchester United u Liverpool mill-FA Cup.

Id-diskussjoni tal-Ħadd fuq ‘Replay’ tibda fid-9:05pm fuq Net Television

Wara, għall-ħabta tad-9:05pm, tibda d-diskussjoni dwar il-futbol Malti f’Replay; l-aktar diskussjoni popolari u segwita f’Malta għal tant snin fuq it-televiżjoni. Christian Micallef, flimkien mal-mistieden residenti tal-programm, Konrad Sultana, mill-istudio ta’ Replay, imexxu programm ta’ analiżi dwar l-attwalitá tal-futbol Malti, b’numru ta’ interventi awdjo-viżivi diretti u minn barra mill-istudio, ma’ uffiċjali u plejers ta’ klabbs differenti. Fost l-oħrajn, fid-diskussjoni tal-lejla, f’Replay se jkunu qed jintervjenu żewġ Presidenti ta’ żewġ klabbs differenti mill-Kampjonat Premier. Flimkien ma’ uffiċjali oħra, dawn se jkunu qed jitkelmu kemm dwar ir-riżultati ta’ din it-tmiem il-ġimgħa, iżda ukoll dwar l-aħħar jiem tas-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar.

Għaldaqstant, illejla erġa’ għamel appuntament ieħor mal-programmi ta’ Replay fuq Net Television. L-ewwel ma’ ‘Replay Live Score’ li jibda fit-8:30pm u wara, mal-programm ta’ diskussjoni, ‘Replay’ mid-9:05pm sal-10:30pm.