Lokali Parlament

Appell ieħor biex il-Gvern jagħmel inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Miriam Pace

Claudio Grech, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech saħħaħ l-appell tal-PN għal inkjesta pubblika dwar kif ħadmu l-entitajiet pubbliċi fil-każ tal-mewt ta’ Miriam Pace f’Santa Venera.

Fil-parlament id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li l-kwantità ta’ xogħol fil-kostruzzjoni fil-pajjiż spiċċa b’regoli fqar u li ħallew ħafna ħsara. Hu kompla li l-kostruzzjoni u l-iżvilupp huma pilastri ewlenin tal-ekonomija tal-pajjiż.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-amministrazzjoni ta’ din il-liġi għandha tkun effettiva mingħajr frammentazzjoni b’ħafna awtoritajiet.

Hu appella biex l-użu tat-teknoloġija jkun implimentat b’iktar investiment għaliex dan joħloq iktar impjiegi u xogħol ta’ kwalità. Id-deputat Nazzjonalista qal li anki fir-rapport li kien ppreżentat fil-parlament juri li l-iskavar isir bix-xorti b’periki kbar għall-persuni bħal Russian roulette.

Dan wassal biex f’Marzu 2020 Miriam Pace mietet f’Santa Venera. Din ir-Russian roulette tħalliet tintlagħab b’Miriam Pace tinqatel f’darha meta ma kienet qed tagħmel l-ebda xogħol ta’ kostruzzjoni iżda kienet biss toqgħod f’dar biswit binja ta’ kostruzzjoni.

Sal-lum mal-familja Pace għadha ma saritx ġustizzja magħha. Fi stqarrija, l-familja Pace qalet li r-apport tekniku kkonferma dak li qalu huma iżda ma jitkellimx fuq il-każ. Ir-rapport jitkellem biss fuq ir-Russian roulette li jinsab għaddej fil-pajjiż.

Miriam Pace tilfet ħajjitha iżda kien hemm numru ta’ persuni oħra li tilfu ġidhom u kellhom joħorġu minn darhom minħabba inċidenti. Il-familja Pace sostniet li l-inkjesta pubblika mitluba mill-ex Kap tal-PN Adrian Delia, il-Whip tal-PN Robert Cutajar u minnu ma kienitx rikonoxxuta mill-Gvern; fil-fatt din kienet rikonoxxuta propju llum fejn il-Gvern qal li ma jaqbilx ma’ inkjesta pubblika.

Claudio Gerch qal li l-mozzjoni tal-PN mhijiex mozzjoni li tirreferi lejn l-akkużati anzi l-PN saħaq li dak li proċess separat u ma jidħolx il-parlament fih. Il-parlament jidħol fejn kien hemm obbligazzjonijiet minn entitajiet pubbliċi fejn l-istituzzjonijiet għadhom obbligazzjonijiet lejn il-ħajja tal-persuna.

X’inhi l-oġġezzjoni kbira li ssir inkjesta fuq jekk l-istituzzjonijiet tal-pajjiż ma wettqux dak li kien mistenni minnhom fil-każ ta’ Miriam Pace? Il-Gvern ma jridx jagħmel inkjesta pubblika, sostna Claudio Grech, li appella biex il-Gvern jerġa’ jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu u l-mozzjoni tal-PN jiddiskuti għalkemm il-Gvern jista’ jagħmel inkjesta pubblika bla mozzjoni parlamentari.