Internazzjonali

Covid-19: Franza tidher riesqa lejn tielet lockdown…Kundanna għall-irvellijiet fl-Olanda

Il-konsulent mediku ewlieni fi Franza qal li l-pajjiż x’aktarx irid jgħaddi minn tielet lockdown nazzjonali bħala ‘l-aħjar mod’ biex jikkumbatti l-firxa allarmanti tal-Covid-19 fit-territorji tiegħu.

Il-Professur Jean-Francois Delfraissy wissa wkoll li Franza, bħalissa, qed tiffaċċja ‘mument ta’ emerġenza’ fl-eqqel tal-pandemija u li din il-ġimgħa se tkun waħda kritika għall-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa, fid-dawl tal-kriżi.

Delfraissy, li jmexxi lill-kunsill xjentifiku li jagħti pariri lill-mexxejja dwar il-Covid-19, qed jinsisti għal ‘azzjoni immedjata u f’waqtha’ min-naħa tal-Gvern fost l-inkwiet kbir dwar il-firxa tal-varjanti ġodda tal-coronavirus.

Il-professur spjega li l-aħħar data qed turi li varjant ġdid tal-virus  — li kien indikat għall-ewwel darba fir-Renju Unit u kapaċi jinfetta aktar malajr lin-nies – issa ‘ħareġ’ f’seba jew disa’ fil-mija tal-każi ta’ infezzjoni f’numru ta’ reġjuni Franċiżi. Hu kompla li qed jidher diffiċli li s-sitwazzjoni tinġieb taħt kontroll.

Għalkemm Delfraissy sostna li Franza tinsab f’sitwazzjoni aħjar minn pajjiżi oħra fl-Ewropa, hu fisser il-varjanti ġodda bħala ‘l-ekwivalenti ta’ tieni pandemija’. Hu wissa wkoll li jekk Franza ma tissikkax ir-regoli tista’ issib ruħha f’sitwazzjoni mill-aktar diffiċli sa nofs-Marzu.

Dan meta l-Gvern Franċiż mistenni jiltaqa’ dalwaqt biex jara għandux jieħu miżuri ta’ emerġenza ġodda qabel is-sitwazzjoni ssir tassew inkontrollabbli.

Sadanittant, il-Prim Ministru tal-Olanda, Mark Rutte, ikkundanna l-irvellijiet ta’ tmiem il-ġimgħa f’pajjiżu fejn in-nies infexxew fi vjolenza biex jipprotestaw kontra r-restrizzjonijiet ġodda li qed ikunu imposti b’kaġun tal-pandemija.

Gruppi ta’ nies, fi tmiem il-ġimgħa, attakkaw lill-pulizija waqt li taw in-nar lil numru ta’ vetturi u roti bi protesta kontra curfew li daħlet fis-seħħ nhar is-Sibt — bil-Prim Ministru Rutte ifisser l-azzjonijiet bħala ‘vjolenza kriminali.

Id-dimostranti fil-belt ta’ Eindhoven waddbu l-logħob tan-nar u l-blalen tal-golf lejn il-pulizija waqt li serqu mis-supermarkets u kkaġunaw ħsarat f’numru kbir ta’ stabbilimenti. Dan waqt li saru wkoll il-protesti – fuq skala iżgħar – f’Amsterdam u fi bliet oħrajn madwar l-Olanda.

Il-kelliema għall-pulizija Olandiża fl-aħħar sigħat qalu li ‘il fuq minn 200 spiċċaw arrestati minħabba s-sehem tagħhom fl-inċidenti ta’ għajb.

Min-naħa tiegħu, Mark Rutte enfasizza li l-aġir vjolenti tal-folol, fi tmiem il-ġimgħa, ma kellu x’jaqsam xejn mal-protesti u li l-Gvern qiegħed jitrattah bħala ‘reat kontra l-pubbliku’.

Sadanittant, fi żvilupp interessanti, l-Oxfam – NGO li jaqdi l-impenji karitatevoli – sostna li l-ġid kollettiv tal-akbar għaxar sinjuri (kollha rġiel) fid-dinja żdied bl-ekwivalenti ta’ kważi 540 biljun ewro waqt il-pandemija tal-coronavirus.

U l-Oxfam qed jgħid li dan l-ammont ikun biżżejjed biex jevita li n-nies kollha tad-dinja jaqgħu fil-faqar minħabba l-virus – minbarra li ‘anki jiffinanzja vaċċin (kontra l-Covid-19) għal kulħadd.’

Ir-rapport – The Inequality Virus —  sab li l-ġid totali ta’ dawn il-biljunarji hu ekwivalenti għall-infiq totali mill-Gvernijiet kollha tal-G20 fuq l-impenji għall-fejqan mill-virus. Dan waqt li l-Oxfam qed iħeġġeġ biex il-Gvernijiet jikkunsidraw li jimponu t-taxxi fuq in-nies li jaqgħu fil-kategorija ta’ ‘super-sinjuri’.

Intant, ir-rapport ħareġ fil-pubbliku waqt li l-mexxejja tad-dinja kienu qed iħejju għal laqgħa virtwali – id-‘Davos Dialogue’ – tal-Forum Ekonomiku Dinji.

Fl-Ingilterra, id-deputati tal-Partit Konservattiv fil-Gvern qed jitolbu biex l-amministrazzjoni f’Londra tfassal ‘route map’ għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel fil-pajjiż, minkejja l-kriżi tal-pandemija.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson qal li għalkemm l-iskejjel huma priorità, ħadd ma jrid li r-restrizzjonijiet għas-sigurtà tal-poplu jitneħħew ‘daqshekk malajr’ meta r-rata tal-infezzjonijiet mill-Covid-19 fl-Ingilterra għadha għolja ħafna.