Coronavirus Ekonomija Lokali

Għal darb’oħra Robert Abela jwassal messaġġi kunflinġenti

Waqt li kien qed jindirizza laqgħa tal-Kabinett li dalgħodu qed issir fil-Kunsill Lokali tal-Fgura, il-Prim Ministru Robert Abela reġa’ wassal messaġġi kunflinġenti fir-rigward tal-pandemija tal-Covid li pajjiżna jinsab għaddej minnha bħalissa.

Abela tenna li qed iħares ‘il quddiem lejn numru ta’ ġimgħat fejn pajjiżna jibda dieħel lejn irkupru ekonomiku. Dan jikkonstrasta bil-kbir ma’ dak li qed ikun imbassar… fejn diversi esperti f’dan is-settur qed isostnu li fadal diversi xhur biex Malta tirkupra minn din id-daqqa ekonomika, u huwa ħażin li politiku jpinġi stampa li ma tkunx reali.

Fid-diskors tiegħu tal-bieraħ, Abela tkellem ukoll dwar l-irkupru ekonomiku li tant hu meħtieġ fejn ħin minnhom qal li “fadal ġimgħat ta’ sagrifiċċju”, u ftit wara qal li dalwaqt “naħarbu niġru ‘l quddiem”. Din it-tip ta’ politika qed toħloq rabja fost il-ħaddiema u n-nies fin-negozju hekk kif mhux qed tingħatalhom stampa ċara ta’ dak li għaddej minnu pajjiżna minħabba din il-pandemija.

Waqt il-laqgħa tal-Kabinett, Robert Abela ammetta li bħalissa f’pajjiżna hemm diversi li jinsabu imħassba dwar is-sitwazzjoni preżenti fosthom id-daqqa li ħadu l-każini u tal-bars kawża ta’ din il-pandemija, kif ukoll dawk li qed jintlaqtu mill-problema tal-kirjiet – bil-Prim Ministru jkun reattiv għal sitwazzjoni diffiċli li tefa’ dawl fuqha l-Kap tal-PN Bernard Grech aktar minn ġimgħa ilu.