Lokali Qorti

Il-ġuri ta’ Liam Debono mixli bl-attentat ta’ qtil fuq Simon Schembri ukoll vittma tal-COVID-19

Il-ġuri ta’ Liam Debono, iż-żagħżugħ mixli bl-attentat ta’ qtil fuq is-Surġen Simon Schembri, bħal ġurijiet oħra għat-tieni darba spiċċa vittma tal-pandemija COVID-19.

Il-ġuri kellu jibda fis-16 ta’ Novembru li għadda u l-mira issa, anke jekk hija possibilità remota, hija għal April li ġej. Dan dejjem jekk is-sitwazzjoni tal-pandemija sa dak iż-żmien titjieb u jonqsu l-każi pożittivi.

Diversi ġurijiet u kawżi oħra waqgħu lura minħabba l-infezzjonijiet u dan qed jagħmilha ferm diffiċli għall-amministrazzjoni tal-Qorti biex tappunta aktar ġurijiet.

Ftit tal-jiem ilu kien ġie pospost ukoll għat-tieni darba l-ġuri ta’ Serb mixli bil-qtil tan-negozjant Hugo Chetcuti. Dan ġie pospost ukoll għat-tieni darba u tpoġġa sine-die.

Wara li kien ġie pospost f’April li għadda, l-ġuri kellu jibda jinstema’ propju llum it-Tnejn il-25 ta’ Jannar, iżda minħabba l-pandemija tal-COVID-19 dan ukoll reġa’ ġie pospost.

Il-ġuri ta’ Liam Debono għandu jinstema’ quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti. Meta seħħ il-każ Debono kellu 17-il sena. Hu qed jiffaċċa 23 akkuża. Minbarra l-akkuża prinċipali tal-attentat ta’ qtil ta’ Simon Schembri – missier ta’ tliet itfal, Debono jinsab akkużat fost oħrajn li kkaġuna ġrieħi gravi, li ħebb għal uffiċjal pubbliku, li kien qed isuq vettura bi pjanċi foloz, li saq mingħajr liċenzja, li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija u li sar reċidiv.

Debono kien tressaq il-Qorti fuq dan il-każ meta allegatament kien saq bil-karozza għal fuq Simoin Schembri u kaxkru bil-mutur b’kollox – każ li seħħ f’Mejju tal-2018, bis-Surġent Schembri jitlef idu l-leminija.

F’Lulju tal-2018 Liam Debono kien kundannat ħames snin ħabs u mmultat €11,000 talli kiser projbizzjoni fuq is-sewqan waqt li kien fuq pleġġ u skwalifikat milli jkollu liċenzja tas-sewqan għal 10 snin.

Il-Maġistrat Joe Mifsud kien sab lil Debono ħati fuq l-akkużi kollha wara li Debono ġie akkużat li saq karozza minkejja li kien prekluż li jagħmel dan. Debono kien innutat isuq minn uffiċjal tal-Pulizija off-duty.

Liam Debono kien ammetta li seraq żewġ karozzi u mutur, u li saq mingħajr liċenzja. Fil-Qorti Debono kien skuża ruħu mal-persuni li seraq, li minn naħa tagħhom ħafrulu.

L-Avukat Simon Micallef Stafrace qed jiddefendi lil Liam Debono filwaqt li l-Avukati Arthur Azzopardi, Andy Ellul u Herman Mula qed jidhru bħala parte civile f’isem Schembri.