Lokali Parlament

Il-Gvern jibqa’ ma jismax il-karba tal-familja Pace għall- ġustizzja

Adrian Delia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia sostna fil-parlament li l-Gvern jibqa’ ma jismax il-karba tal-familja Pace għall-ġustizzja dwar il-mewt ta’ Miriam Pace f’Santa Venera; mewt li kienet traġedja nazzjonali.

Adrian Delia qal li l-mument tal-mewt ta’ Miriam Pace kien mument ta’ traġedja nazzjonali u ġab ħafna reazzjonijiet. L-istorja li seħħet dakinhar ġabet tama li toħroġ ġustizzja u jkun hemm tagħlim biex dak li seħħ ma jerġax jirrepeti.

Hu kompla li flimkien mad-deputati Nazzjonalisti Claudio Grech u Robert Cutajar hu kien talab inkjesta pubblika. Il-Prim Ministru qed jipprova jserraħ ras in-nies li l-qraba ta’ Miriam Pace bilkemm ma kienux kuntenti b’dak li sar u b’dak li offra l-Gvern.

Hu semma’ r-rapport ta’ April 2020; propju meta l-PN talab inkjesta pubblika u ftit ġimgħat wara l-qtil u meta kien diġà tlesta rapport minn persuni ta’ fiduċja tal-Prim Ministru. Dan r-rapport tħalla rieqed għal kważi sena; għalhekk il-ħerqa u r-rieda tal-Gvern ma tidhrix.

Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia semma’ wkoll l-istqarrija tal-familja Pace li qed tokrob għall-ġustizzja u biex issir diskussjoni parlamentari urġenti dwar l-inkjesta pubblika. Hu kompla li l-Prim Ministru wieġeb fi ftit siegħat u qallhom li ma jridx inkjesta pubblika u li ma jridx li toħroġ il-verità. Il-Prim Ministru ma jridx li l-pubbliku u l-familjari jkunu jafu min fost l-istituzzjonijet falla u naqsu lill-familja Pace.

Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-inkjesta Maġisterjali u l-inkjesta pubblika huma totalment differenti minn xulxin. Hu qal li l-investigazzjoni għandha tiffoka dwar in-nuqqasijiet min-naħa tal-Gvern u tal-istituzzjonijiet.

Tal-mistħija kif il-Gvern ma jridx jiddiskuti din it-traġedja, sostna Adrian Delia, li kompla li, l-Prim Ministru mhux qed jgħid il-verità dwar l-inkjesta Maġisterjali u inkjesta pubblika.

Il-proċess li għaddej mhux se jkun imxekkel u dan Robert Abela jafu għax hu avukat. Il-PN jrid jassigura li dak li seħħ fil-mewt ta’ Miriam Pace ma jerġax iseħħ għax il-kostruzzjoni fil-pajjiż mhux se tieqaf.

Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal li mhux ġust li l-Prim Ministru jagħmel l-inkjesta hu u jasal għall-konklużjonijiet tiegħu. Hu qal li l-Gvern qed jitfa’ l-ħtija fuq il-cowboys; il-Prim Ministru jrid jifhem li l-aġir ta’ xi persuni jasal għal dak l-istat ta’ azzjoni għax jaħsbu li għandhom impunità jinħoloq għaliex il-Gvern jagħti x’jifhem li dak hu aċċettabbli. Għalhekk il-Gvern irid jevità li ssir inkjesta, sostna Adrian Delia, li kompla li l-Gvern m’għandux jinsulenta lin-nies u l-memorja ta’ min inqatel.

Adrian Delia qal li hemm ‘l fuq minn 40 liġi jew avviżi legali fosthom uħud tal-1920 u l-1940; hemm lista ta’ liġijiet li huma mifruxa madwar kullimkien. Jeħtieġ li jsir studju dwar dawn il-liġijiet biex ikun hemm ordni, appella Adrian Delia, li kompla li n-nies huma preokkupati bil-kostruzzjoni. Illum il-kostruzzjoni saret theddida għas-sigurtà u t-trankwilità; irridu nirrikonoxxu fejn hemm in-nuqqasijiet.

Id-deputat Nazzjonalista qal li kien imnikket li l-familja Pace kellha tagħmel karba għal diskussjoni u l-Prim Ministru jarmiehom. Hu sostna li l-PN mhux jippolitiċizza dan is-settur u l-bżonnijiet li għandu l-pajjiż iżda qed jappella lill-Prim Ministru biex issir ħidma kollettiva u jkun stabbilit x’wassal għal din is-sitwazzjoni. Il-parlament għandu l-obbligu li jisma’ lin-nies; din hi kwistjoni nazzjonali u mhux partiġġjana, sostna Adrian Delia.